Navigate Up
Sign In

Servizz ġdid ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ reati kriminali mill-Korp tal-Pulizija

Reference Number: PR171003, Press Release Issue Date: Apr 19, 2017
 
Imwaqqfa t-taqsima ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ reati kriminali fil-Korp tal-Pulizija li se tkun qed tagħti l-ewwel għajnuna b’mod immedjat  lill-vittmi ta’ reati kriminali. B’hekk jintlaħqu l-vittmi appena jitwettaq reat, meta dawn ikunu l-aktar  vulnerabbli u  jkollhom bżonn l-għajnuna. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela fejn qal li din it-taqsima se tgħin sabiex il-vittmi titnaqqsilhom it-trawma tar-reat kif ukoll dik assoċjata mal-proċeduri legali.  

 
Huwa ħabbar li din it-taqsima se tkun il-punt ta’ riferiment għall-vittmi tal-kriminalità kif ukoll  il-qraba tagħhom, u tara li tibda tindirizza u tressaq il-vittmi lejn servizzi offruti min entitajiet u għaqdiet mhux governattivi.  Spjega kif wara li l-vittma tmur tagħmel ir-rapport tagħha lill-pulizija fl-għassa, il-vittma se tkun qed tingħata l-għażla jekk tkunx tixtieq li tiġi riferuta lejn il-Victim Support Unit tal-Pulizija. Jekk il-persuna taqbel, il-pulizija li jkun ħa r-rapport tal-vittma ser ikun qed jagħmel kuntatt mal-VSU sabiex jgħaddi d-dettalji lill-uffiċjal tal-VSU, u minn hemm isir appuntament separat mal-vittma. 

 
Il-Ministru Abela fakkar li kien dan il-Gvern li beda jirrikonoxxi lill-vittmi tal-kriminalità  u jagħtihom il-leħen li jistħoqqilhom.  Filfatt fl-2015 daħal fis-seħħ l-Att dwar Vittmi tal-Kriminalità, li jistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ reati kriminali. Ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar ukoll is-servizz ġdid ta’ medjazzjoni bejn il-il-vittmi u min wettaq ir-reat. 

 
Fir-rigward ta’ dan is-servizz ġdid fil-Pulizija, il-Ministru innota kif il-Victim Support Unit bdiet bl-ewwel xogħol tagħha f’dak l-istadju, bħala proġett pilota minn Jannar 2017. F’dawn l-ewwel xhur kien hemm medja ta’ 40 każ fix-xahar li ġew riferuti lill-VSU. Huma raw każijiet li kienu jinvolvu nies vulnerabbli, bħal tfal, anzjani, vittmi ta’ vjolenza domestika, vittmi ta’ abbuż jew qraba ta’ każijiet serji. Bħala età ma kienx hemm waħda partikolari però ġie innutat li l-maġġoranza tal-persuni li raw kienu nisa.  Żied jgħid li filwaqt li din it-taqsima se tagħti attenzjoni lil każijiet kollha ta’ vittmi ta’ kriminalità li jiġu quddiemha, bħalma jiġri f’kull servizz ieħor ser ikunu qegħdin jimxu b’sistema ta’ prijorità lil dawk li l-aktar jkunu meqjusa serji. 
 
Il-Ministru Abela semma’ li fl-għases ser jitqassmu leaflets li jelenkaw uħud mid-drittijiet tal-vittma u x’ser tkun qed tistenna mill-Pulizija. Dawn ser ikunu aċċessibbli għall-vittma u fuq l-istess leaflet il-pulizija jista’ jniżżel in-numru (acknowledgement) tar-rapport li l-vittma tkun għadha kif għamlet.  Fost l-informazzjoni provduta hemm dak li għandha tistenna l-vittma mill-Pulizija meta tagħmel rapport, id-dritt li tingħata riċevuta tar-rapport li tkun sar, informazzjoni dwar servizzi ta’ appoġġ, u informazzjoni li tista’ tingħata dwar l-investigazzjoni tal-pulizija.

 
Il-Ministru Abela tkellem ukoll fuq it-taħriġ li qed jingħataw il-Pulizija inkluż dawk tad-distretti, dwar kif għandhom joffru l-aħjar servizz għall-vittmi.  Qal li bħalissa qiegħed jingħata taħriġ lill-pulizija flimkien mal-Aġenzija Appoġġ dwar proċeduri ta’ kif għandhom jaħdmu f’każijiet li jinvolvu abbużi fuq minuri.  Fil-ġimgħat li ġejjin ser isir ukoll taħriġ mill-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati dwar kif għandhom jaħdmu ma’ vittmi vulnerabbli. 
 
It-Taqsima ser tkun qed titmexxa mill- Spettur tal-Pulizija Sylvana Gafà li hija wkoll gradwata fil-Counselling u fil-Kriminoloġija, u magħha għandha sapport amministrattiv.  Ittieħdu passi wkoll biex f’din it-taqsima jiżdiedu professjonisti oħrajn u għal dan il-għan qed isir ir-reklutaġġ meħtieġ.  

 
Għal provvediment ta’ dan is-servizz inħoloq uffiċċju apposta li hu attrezzat b’mod li l-vittmi jkunu jistgħu jħossuhom komdi jitkellmu f’ambjent adegwat u differenti minn dak f’għassa. Flimkien mal-vittma jiġi diskuss x’ikun l-aħjar mod ta’ kif tkun tista’ tingħata l-aħjar għajnuna f’dak il-perjodu li tkun għaddejja minnu.

 
Il-Ministru temm billi tenna r-rieda  tal-Gvern li jkompli jaħdem biex jara li d-drittijiet tal-vittmi ta’ reati kriminali jiġu mħarsa u msaħħa.