Navigate Up
Sign In

L-uffiċjali korrettivi mħarrġa fil-korrezzjoni taż-żgħażagħ minn esperti Norveġizi; parti mir-riforma tat-taqsima taż-żgħażagħ tal-Faċilità Korrettiva

Reference Number: PR170665, Press Release Issue Date: Mar 18, 2017
 
Il-Faċilità  Korrettiva ta’ Kordin bil-għajnuna tas-Servizzi Korrettivi Norveġiżi ipprovdiet programm ta’ taħriġ formali fuq il-korrezzjoni taż-żgħażagħ li għandhom taħt il-21 sena. Fi tmiem il-programm ta’ taħriġ li tmexxa minn professjonisti Maltin kif ukoll Norvegizi, 35 uffiċjal korrettiv u professjonisti li jaħdmu fis-servizzi korrettivi ngħataw ċertifikat mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela fil-prezenza tad-Direttur ta’ FKK Is-Sur Paul De Battista, l- esperti lokali u Norveġiżi li mexxew it-taħriġ u l-Kmandant tal-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja.
 
Il-Ministru Abela innota li dan il-programm ta’ taħriġ fi prattiċi moderni fil-qasam ta’ korrezzjoni għaż-żgħażagħ kien f’konformità ma prattiċi internazzjonali. Dan it-taħriġ sewa €11,000 u kien ko-finanzjat minn Fondi Norveġiżi. Spjega li n-Norveġja hija magħrufa li hija fuq quddiem nett fil-prattiċi ta’ korrezzjoni.
 
Ikkonferma li din hija l-ewwel darba fl-istorja tal-Facilità  li sar investiment ta’ din in-natura fil-ħiliet tal-uffiċjali korrettivi. “Sfortuntament l-Uffiċjali Korrettivi fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għaddew minn snin twal fejn qatt ma sar investiment fl-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom”, qal il-Ministru Abela.
 
Il-Ministru żied jgħid li l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali mhux biss qed ibiddel din ix-xejra bit-twaqqif tal-Akkademja għal Forzi Dixxiplinati iżda beda jintroduċi wkoll il-kunċett tal-iżvilupp professjonali kontinwu fejn it-taħriġ imur lil hinn mir-reklutaġġ.
 
Il-Ministru Abela emfasizza li l-Gvern għandu għal qalbu r-riforma tas-sistema korrettiva  inkluż ta’ dawk taħt il-21 sena għaliex jemmen li dawn iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur tas-soċjetà tagħna. 
 
F’dan ir-rigward semma’ li bħalissa għaddej proġett ambizzjuż li qed jara l-bini ta’ faċilità moderna għal residenti ta’ taħt il-21 sena fl-Imtaħleb, grazzi għal Fondi Norveġiżi. Proġett infrastrutturali li qed ikun ikkumplimentat  bl-iżvilupp ta’ programmi terapewtiċi għal dawn il-persuni u taħriġ għall-uffiċjali korrettivi. 
 
“Intom għandkom is-saħħa li timmotivaw lil dawn iż-żgħażagħ, li tiftħulhom l-orizzonti tagħhom, u li tgħinuhom jirrealizzaw li imdawrin b’persuni li jemmnu li huma jistgħu jkunu ri-integrati fis-socjetà, jekk għandhom ir-rieda li din jaħdmu għaliha”, appella l-Ministru Abela lill-impjegati tal-Faċilità tal-‘Young Offenders Unit Rehabilitation Services- YOURS’.
 
Fil-preżent hemm 12-il resident taħt il-21 sena fil-Facilità YOURS, fl-Imtaħleb.