IL-PROTEZZJONI ĊIVILI – QABŻA FIL-KWALITÀ
Navigate Up
Sign In

IL-PROTEZZJONI ĊIVILI – QABŻA FIL-KWALITÀ

Date: Mar 10, 2021
 
Id-dmirijiet ta’ dan id-dipartiment huma li jwieġeb u jassisti f’kull tip ta’ emerġenza fuq l-art u fil-baħar; iħejji pjanijiet ta’ kontinġenza; iħarreġ u jinforma lill-pubbliku dwar affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ċivili; u fuq kollox li jkollu Forza ta’ Għajnuna u Salvataġġ li tara li hemm servizzi adegwati għal kull tip ta’ intervent fl-immedjat f’każ ta’ periklu.

F’dawn l-aħħar seba’ snin, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ngħata mbottatura kbira biex jerġa’ jieħu l-ħajja wara li għal żmien twil kien mitluq, minsi u meqjus bħala tat-tieni klassi. Dan sar b’investiment qawwi mhux biss fil-vetturi u fl-apparat iżda wkoll fin-nies. Biżżejjed insemmu li saru żewġ reklutaġġi fejn madwar 170 persuna ssieħbu fil-Forza. B’hekk il-Forza rdoppjat u pattiet għall-persuni li laħqu l-età pensjonabbli. Diversi ħaddiema ħadu taħriġ barra minn xtutna, saħansitra l-Kanada, fejn ingħataw taħriġ ta’ salvataġġ f’temperaturi kesħin kif ukoll taħriġ speċjalizzat f’diversi fireschools rinomati fl-Ewropa fuq drones, nirien f’mini, nirien ġo vapuri, nirien f’karozzi li jaħdmu bl-elettriku, HAZMAT, tsunami u sitwazzjonijiet ta’ diżastri oħra.

Wara snin twal ta’ stennija, fl-2015 il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ngħataw id-dritt tal-25 sena servizz. Għall-ewwel darba wkoll, il-ħaddiema ngħataw midalji għal servizz twil u effiċjenti, u d-dritt li jissieħbu fi trade union. Saret assigurazzjoni għall-korpi dixxiplinati u ġiet emendata u mtejba l-pensjoni tal-irtirar wara 25 sena servizz. Fl-2020 ġie ffirmat ftehim settorali li kien l-ewwel wieħed fi 22 sena. Dan il-ftehim qed jara li l-ħaddiema jingħataw dak li kien ħaqqhom f’titjib fil-pagi u żieda fl-allowances u, apparti kollox, ser jibdew jaħdmu 40 siegħa minflok 46.

Fir-rigward ta’ apparat u vetturi, f’dawn l-aħħar snin inxtraw 26 vettura ġodda fjamanti mgħammrin bl-aqwa apparat, ġie akkwistat tagħmir tal-HAZMAT tal-ifjen kwalità li sewa €800,000, u sar investiment fl-istess ammont fis-Sezzjoni Umanitarja. Għall-ewwel darba nxtara wkoll apparat li l-ħaddiema jsibuh ta’ għajnuna fix-xogħol li jkun meħtieġ wara xi maltempata kbira. Dan minbarra x-xiri tal-aħjar Personal Protective Clothing fis-suq biex il-ħaddiema jkunu dejjem protetti u titħares is-sigurtà tagħhom. Il-Gvern qed jinvesti 7 miljuni fis-sena fil-vot kapitali biex jiżgura li jkomplu jinxtraw iktar fire engines, kif ukoll dinghies u fire boats ħalli t-Taqsima Marittima tkompli tissaħħaħ. Sadanittant hemm il-konferma biex jinbena stazzjon ġdid tat-tifi tan-nar fl-inħawi ta’ Santa Venera u ieħor fil-Furjana u dawn ser ikunu siżmiċi.

F’dawn l-aħħar snin id-Dipartiment għaraf ukoll iżomm ruħu aġġornat mal-progress teknoloġiku biex joffri servizz aktar effiċjenti u komdu lill-klijenti tiegħu, fost oħrajn bl-introduzzjoni ta’ sistema ta’ pagamenti online għal servizzi mogħtija mid-Dipartiment lis-settur privat. Minbarra dan sar investiment ta’ madwar 2 miljuni bis-saħħa tal-programm Converge li huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Dan l-investiment jikkonsisti f’sistema ġdida fil-kamra tal-kontroll (Emergency Disaster Management System) li biha ser jitnaqqas sew il-ħin ta’ rispons f’każ ta’ xi inċident.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu fiduċja qawwija li bl-investiment li qed isir fih se jirnexxilu jlaħħaq mad-domanda li għandu quddiemu. Dan huwa dipartiment relattivament żagħżugħ, bi storja ta’ 22 sena biss, iżda bi pjanijiet ċari u rieda soda li jwettaqhom, biex jibqa’ joffri l-aqwa servizz lill-pubbliku.