Navigate Up
Sign In

Iffirmat ftehim mal-Caritas Malta għar-riabilitazzjoni mid-droga għar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Reference Number: PR192680 , Press Release Issue Date: Dec 18, 2019
 
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ppresjeda waqt l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u Caritas Malta. Il-ftehim, li għandu valur ta’ kważi miljun ewro, huwa mqassam fuq medda ta’ tliet snin u ser ikun qed iġedded il-kooperazzjoni li diġà teżisti bejn l-entitajiet imsemmija fl-isfond tar-riabilitazzjoni tar-residenti mill-vizzju tad-droga.
 
Id-direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, tenna li mal-iżviluppi li seħħew fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-qasam tas-sigurtà u l-ġlieda kontra d-droga, il-proċess ta’ riabilitazzjoni huwa ħolqa essenzjali, biex, wara li persuna tiskonta sentenza, ssib postha fis-soċjetà mfejqa, u tkun tista’ tagħti l-kontribut tagħha. Il-‘Prison Inmates Programme’, fi ħdan Caritas Malta, hu proprju mwaqqaf għal dan il-għan.
 
Id-direttur ta’ Caritas, Anthony Gatt, irringrazzja lill-Ministru Michael Farrugia u lid-direttur tal-ħabs, il-Kurunell Alexander Dalli, tal-impenn kontinwu tagħhom u tal-kollaborazzjoni sħiħa ma’ Caritas Malta biex jintlaħaq l-iskop ta’ riabilitazzjoni mid-droga.
 
Il-Ministru Michael Farrugia saħaq li meta kien fil-Ministeru preċedenti ħadem ħafna fuq il-kunċett ta’ Public Social Partnership fuq perjodu ta’ tliet snin, u ħadem fil-qrib ma’ diversi NGOs, inkluż Caritas Malta. Huwa qal li llum ser inkunu qegħdin inġeddu kuntratt li diġà hemm bejn il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u Caritas Malta, sabiex dan il-programm ta’ riabilitazzjoni jkompli. 
 
Il-Ministru Michael Farrugia semma’ kif qabel il-konferenza stampa kellu laqgħa mar-residenti li qegħdin isegwu dan il-programm, u li waqt din il-laqgħa ttieħdu diversi deċiżjonijiet li jkomplu jsaħħu r-riabilitazzjoni tal-istess residenti. Huwa qal li ser isiru diskussjonijiet sabiex aktar residenti tkun faċli għalihom biex joħorġu jaħdmu.
 
Il-Ministru Michael Farrugia saħaq li l-programm ta’ riabilitazzjoni jospita sa 14-il persuna f’daqqa, u fl-aħħar ħames snin 152-il persuna bbenefikaw minn dan il-programm. Il-Ministru semma’ kif, sa ftit ta’ żmien ilu, persuni li jidħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienu jkunu jistgħu jmorru għar-riabilitazzjoni mid-droga fl-aħħar parti tas-sentenza tagħhom. B’dan il-ftehim, dik il-klawsola tneħħiet u r-residenti li japplikaw għall-programm jintgħażlu fuq bażi ta’ pjan ta’ kura li jkun imfassal għalihom mis-sezzjoni tal-riabilitazzjoni mill-ħabs. Dan sar biex wara li titneħħa d-dipendenza mid-droga, ir-resident ikun f’pożizzjoni ħafna aħjar biex jipparteċipa bi sħiħ mingħajr xkiel fil-pjan korrettiv biex ikun jista’ jingħaqad lura mas-soċjetà.
 
Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ Caritas Malta tax-xogħol u l-ġid li jagħmlu. “Flimkien nistgħu nkomplu naħdmu u nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna,” għalaq il-Ministru.  
 
Dan il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti s-Sur Kevin Mahoney, mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi il-Kurunell Alexander Dalli, mid-Direttur ta’ Caritas Malta s-Sur Anthony Gatt, u mit-teżorier ta’ Caritas Malta s-Sinjura Ritianne Cassar. Is-Sur Anġlu Fenech minn Caritas Malta kien preżenti għal dan l-iffirmar.