Navigate Up
Sign In

Grant ta’ €35,000 għall-NGOs li jassistu lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Reference Number: PR192447, Press Release Issue Date: Nov 13, 2019
 

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ppreseda waqt il-preżentazzjoni ta’ grants b’valur ta’ €35,000 lill-għaqdiet volontarji li jaħdmu id f’id mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPĊ).

Is-sitt NGOs, li huma: Red Cross, Emergency Fire & Rescue Unit (EFRU), St John Rescue Core, Emergency Response & Rescue Core (ERRC), St John Ambulance, u Malta Amature Radio League (MARL), ibbenefikaw minn din l-għotja għat-tielet sena konsekuttiva.

Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lill-NGOs li jkunu minn tal-ewwel sabiex jipparteċipaw u joffru assistenza lid-DPĊ. Huwa saħaq li qed jagħtu servizz lin-nazzjon u liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

“Għaddejjin numru ta’ desktop exercises bejn il-korpi dixxiplinati u entitajiet barra mill-ministeru, sabiex dawn l-entitajiet flimkien ikunu jistgħu jaraw kif jistgħu jirreaġixxu f’każ ta’ inċidenti u diżastri naturali, jew dawk maħluqin mill-bniedem”, saħaq il-ministru.

Il-Ministru Michael Farrugia qal ukoll li ser ikun qed jaħdem biex isir desktop exercise bejn id-DPĊ u l-NGOs. Id-desktop exercises ser iservu sabiex jiġu identifikati nuqqasijiet li jistgħu jinqalgħu u b’hekk wieħed ikun preparat għal ċirkostanzi fejn ikollhom jaħdmu flimkien.

Il-Ministru Farrugia inkoraġġixxa t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn id-DPĊ u l-NGOs u ħeġġiġhom ikomplu jagħtu għajnuna lil xulxin.

Preżenti għal din l-għotja kien hemm is-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila, id-Direttur Ġenerali Charles Vella, kif ukoll rappreżentanti tal-NGOs.​​