Navigate Up
Sign In

60 suldati ġodda jissieħbu mal-Forzi Armati ta’ Malta

Reference Number: PR192321, Press Release Issue Date: Oct 30, 2019
 
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati l-Brigadier Jeffrey Curmi ppresedew waqt iċ-ċerimonja tal-passing out parade, fejn 60 rekluta fosthom tliet nisa ssieħbu mal-Forzi Armati ta’ Malta. Ir-reklutaġġ beda f’Mejju u matul dan il-perjodu r-rekluti għaddew minn taħriġ militari, li jinkludi taħriġ fiżiku, taħriġ fl-użu tal-armi, fid-drill u suġġetti oħrajn. Ir-rekluta Roxanne Micallef rebħet l-unur tax-shield tal-Best Recruit.

“Quddiemkom għandkom futur, minn rekluti issa ngħaqqadtu bħala membri sħaħ fil-Forzi Armati ta’ Malta (FAM). F’din iċ-ċerimonja kellna mara li rebħet l-unur tal-aqwa rekluta. Dan juri b’mod ċar id-determinazzjoni rispettivament mis-sess tal-persuna. Inħeġġeġ biex aktar nisa jidħlu fil-korpi dixxiplinati”, saħaq il-Ministru Michael Farrugia.
 
Il-ministru ħeġġeġ lis-suldati l-ġodda biex jistinkaw u jaħtfu l-opportunità li tiġihom ħalli jkomplu javvanzaw ’il quddiem fil-FAM. Fakkar li numru sostanzjali ta’ membri jattendu għal taħriġ kemm lokalment u kemm barra minn Malta. Qal li sfortunatament, it-taħriġ li jingħata internament, għadu ma jiġix rikonoxxut iżda għaddejjin diskussjonijiet biex it-taħriġ li jsir internament ikun rikonoxxut anka barra mill-Armata. Nittamaw li fix-xhur li ġejjin inkunu qed nikkonkludu dawn id-diskussjonijiet, qal il-ministru.
 
Il-Ministru Farrugia tenna li fix-xhur li ġejjin se jkunu qed jintemmu d-diskussjonijiet dwar il-ftehim kollettiv tal-FAM sabiex tkompli tiġi rikonoxxuta l-ħidma tal-membri tagħha. Dan apparti l-investiment bla preċedent li għaddej bħalissa.
 
Il-Ministru Farrugia filwaqt li awgura lill-membri l-ġodda, qalilhom li llum hija biss l-ewwel ġurnata. Huwa ħeġġiġhom sabiex jaħdmu bla qies ħalli jagħtu servizz lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap Kmandant Curmi żied li apparti dawk is-suldati li jkunu għassa f’postijiet strateġiċi bħalma hu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-membri tal-FAM jagħmlu xogħol speċjalizzat u jagħtu servizz impekkabbli lil pajjiżna kemm fuq l-art, fuq u taħt il-baħar kif ukoll fl-ajru. Semma wkoll li hemm membri li jiġu “deployed” barra minn xtutna fuq operazzjonijiet kemm tal-UE kif ukoll tan-Nazzjonijiet Uniti.
 
Il-kap kmandant qal li s-sena d-dieħla, il-FAM se jkollha l-akbar lanċa li qatt kellha l-Iskwadra Marittima u din se tkun l-akbar investiment li qatt sar fl-istorja tal-Forza. Hemm ukoll diversi proġetti ġodda li jew diġà beda x-xogħol fuqhom jew se jibda fil-ġranet li ġejjin. Proġetti li jlaħħqu l-miljuni ta’ ewro u li se jbiddlu bla dubju ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol. M’aħniex se nieqfu hawn imma se nibqgħu naraw kif nistgħu nkomplu ninvestu ħalli nagħtu l-aħjar għodda u taħriġ lill-membri tagħna, insista l-kap kmandant.