Navigate Up
Sign In

Baġit 2020 – Inkomplu nikbru flimkien: Ħidma sfiqa għal pajjiż aktar sigur

Reference Number: PR192288, Press Release Issue Date: Oct 26, 2019
 
“Ħidma sfiqa għal pajjiż aktar sigur, nefqa bla preċedent”, saħaq il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet. Huwa qal li l-investiment irid ikun bla preċedent ħalli pajjiżna jkun sigur u jassigura li l-poplu Malti u Għawdxi jgħix ħajja aħjar. 
 
Il-Ministru Michael Farrugia qal li għat-tielet sena konsekuttiva r-rata tal-kriminalità naqset. Meta tqabbel minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, ir-rata tal-kriminalità naqset b’4%. Dan hu grazzi għax-xogħol li qed iwettaq il-Korp tal-Pulizija u għall-investiment li qed isir. 
 
Il-Ministru Farrugia saħaq li bħalissa għaddejjin desktop exercises fuq inċidenti ta’ diżastri naturali li jistgħu jinqalgħu. Il-korpi dixxiplinati u d-Dipartiment tal-Emerġenza, flimkien ma’ entitajiet oħra, qed jipparteċipaw f’dawn l-eżerċizzji. 
 
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPC) għandu wieħed mill-irwoli prinċipali f’dawn l-eżerċizzji. Il-Ministru tenna li l-aħħar investiment fil-vetturi tad-DPC kien sar 23 sena ilu. Fl-aħħar ħames snin beda jsir investiment sabiex jinbidlu l-vetturi mgħammrin bl-aħħar teknoloġija. Huwa qal li dan il-Gvern ser iżid l-investiment f’dan id-Dipartiment. 
 
“Mis-sena 2020 ser jibda jsir l-ikbar investiment li qatt sar u l-vot kapital ser ikun qed jiżdied għal €7 miljun.” Huwa fakkar li n-nefqa kapitali għas-sena d-dieħla, fejn f’sena waħda ħa jkun qiegħed jintefaq daqs l-ekwivalenti tan-nefqa totali li saret f’14-il sena qabel l-2013. Dan l-investiment ser isir sabiex jibdew jinbnew l-istazzjonijiet li huma reżistenti għat-terremoti, jinbidlu vetturi eżistenti, u jinxtraw oħrajn għal skopijiet speċifiċi, isiru l-preparamenti biex jinxtraw inġenji tal-baħar, u jissaħħaħ l-investiment fir-riżorsi umani. Dan jagħmel parti minn pjan ta’ seba’ snin li jkun qed ipoġġi lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fuq quddiem ta’ dipartimenti simili Ewropej, qal il-Ministru Michael Farrugia. ​