Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR201593, Press Release Issue Date: Aug 24, 2020
 
​Il-Korp tal-Pulizija se jkompli jsaħħaħ it-taħriġ speċjalizzat għall-membri tiegħu wara investiment f'simulator iffukat fuq il-vjolenza domestika.

Meta inawgura dan is-simulator b'investiment ta' €115,000, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif din it-teknoloġija se tgħin lill-uffiċjali tal-Korp jifhmu aħjar ir-realtajiet tal-vittmi tal-vjolenza domestika. B'mod virtwali, il-pulizija se jkunu jistgħu jidħlu fiż-żarbun ta' dawk it-tfal li sfortunatament jgħixu din ir-realtà fi djarhom. Dan is-simulator se jkun parti mit-taħriġ kontinwu li jingħataw il-pulizija dwar il-vjolenza domestika filwaqt li se jintuża wkoll fit-taħriġ tar-rekluti l-ġodda.
 
“Dan il-proġett juri kif qed inħarsu lejn iktar minn soluzzjoni waħda biex ikollna Korp tal-Pulizija li jagħder iktar lill-vittma, filwaqt li jibqa' sod ma' min wettaq ir-reat", qal il-ministru. Huwa spjega kif dan l-investiment jorbot mat-twaqqif tas-skwadra l-ġdida tal-pulizija li se tkun iffukata primarjament fuq il-vjolenza domestika, li se titħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.
 
Il-Ministru Camilleri tkellem dwar kif dan is-simulator huwa pass ieħor biex nassiguraw li l-appoġġ li jingħataw dawn il-vittmi jkun mill-aqwa. “Din hi bidla oħra li qed inwettqu. Se nibqgħu nżidu t-taħriġ u r-riżors uman fi ħdan il-Korp biex il-vittmi ta' reat isibu l-għajnuna meħtieġa fil-mument l-aktar vulnerabbli", sostna l-ministru.
 
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà li wkoll tkellem dwar ir-rieda tal-Korp tal-Pulizija li joffri servizz aħjar lil dawk li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli.​​