Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR201581, Press Release Issue Date: Aug 21, 2020
 
​Fl-aħħar sigħat il-Forzi Armati ta' Malta kienu kostretti jsalvaw 118-il immigrant irregolari li kienu qed jegħrqu fiż-żona ta' tiftix u salvataġġ Maltija, fosthom għaxar nisa, waħda minnhom b'tarbija tat-twelid u ħamest itfal.
 
F'messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif fl-ewwel seba' xhur ta' din is-sena l-awtoritajiet Libjani interċettaw madwar 7,000 persuna. Għaldaqstant, il-Gvern huwa kommess li jkompli jikkopera mal-awtoritajiet Libjani biex jipprevjeni aktar wasliet u jnaqqas it-telf ta' ħajjiet fil-Mediterran.
 
Huwa saħaq kif waħda mill-prijoritiet ewlenin ta' dan il-Gvern hi li jsaħħaħ is-sistema tar-ritorn. F'dan ir-rigward, il-Gvern qed jieħu passi biex min ma ħaqqux jibqa' fil-pajjiż jintbagħat lura. Dan filwaqt li se tkompli l-ħidma fuq ir-rilokazzjoni ta' immigranti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, in-numru ta' immigranti li se jiġu rilokati lejn stati membri tal-Unjoni Ewropea issa tela' għal 450. Fl-aħħar ġimgħat meta reġgħu fetħu l-ajruporti ġew ir-rappreżentanti tal-pajjiżi rispettivi u fil-ġimgħat li ġejjin ser jintbgħatu numru konsiderevoli ta' immigranti.
 
Il-Messaġġ tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi
 
Fl-aħħar xhur qsamt magħkom diversi żviluppi pożittivi dwar is-setturi li mmexxi jien. Illum irrid nitkellem magħkom dwar l-immigrazzoni irregolari. Bħal dejjem nitkellem magħkom b'onestà.
 
L-isfida tal-immigrazzjoni irregolari la qatt kienet faċli, u la qatt ser tkun faċli.
 
Illum il-Forzi Armati ta' Malta se jkunu kostretti jdaħħlu numru ta' immigranti rregolari li kienu qed jegħrqu fiż-żona ta' tiftix u salvataġġ Maltija, għaxar nisa, waħda minnhom b'tarbija tat-twelid u ħamest itfal.
 
Din kienet sitwazzjoni fejn il-Forzi Armati ta' Malta ma kellhomx għażla oħra ħlief li jew iħallu lil dawn il-persuni jgħerqu, jew isalvawhom.
 
Dawn l-immigranti se jinżammu iżolati fi kwarantina fuq l-art hekk kif is-sejħa għall-bastiment tal-kwarantina li ħareġ il-ministeru fl-aħħar ġimgħat tinsab fl-aħħar fażijiet tagħha.
 
Però llum, fl-eqqel ta' Awwissu, xahar li fl-immigrazzjoni irregolari dejjem kien meqjus bħala sfida kbira, rrid nirrimarka kif il-ħidma tal-gvern fuq l-immigrazzjoni hija waħda kontinwa u ma taqta' xejn.
 
Komplejna u se nkomplu nikkoperaw mal-awtoritajiet Libjani biex qabel xejn nipprevjenu l-wasliet. Jiġifieri fuq quddiem nett tal-pjan tagħna hemm li ħafna minn dawn l-immigranti jkunu imwaqqfa qabel jersqu lejn xtutna. Jekk jista' jkun ma jitħallewx jitilqu u allura ma jkunx hemm riskju ta' telf ta' ħajjiet.
 
Fl-ewwel seba' xhur ta' din is-sena, l-awtoritajiet Libjani interċettaw kwazi 7,000 persuna. Immaġinaw x'kienet tkun is-sitwazzjoni kieku dawn il-persuni baqgħu jitħallew tilgħin lejn Malta jew Lampedusa.
 
Fl-aħħar tliet ġimgħat fl-Italja daħlu 3,900 persuna filwaqt li f'pajjiżna daħlu kwazi 300 persuna.
 
Qed naħdmu ħafna f'dan ir-rigward. Morna l-Libja, għal darba darbtejn. Ġew l-awtoritajiet Libjani sabiex inkomplu niżviluppaw din il-koperazzjoni. Kieku ma kienx hekk, konna niffaċċjaw ħafna iżjed wasliet u se nkomplu naħdmu biex inwaqqfu aktar.
 
It-tieni punt huwa r-ritorn lejn il-pajjiz tal-oriġinu.
 
Min ma ħaqqux ażil f'Malta, għandu jintbagħat lura. Mhuwiex proċess faċli, iżda qed nindividwaw l-isfidi biex ngħelbuhom.
 
Din hija sfida li jaffaċċjaw il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż pajjiżi akbar minna li għandhom relazzjonijiet diplomatiċi b'saħħithom fl-Afrika.
 
Is-sistema tar-ritorn qed insaħħuha. Li nibagħtu lura persuni li ma għandhomx ikunu hawn għalina hija prijorità ewlenija.
 
Wettaqna bidliet u se nwettqu iktar biex hawn ukoll niksbu r-riżultati u naslu iktar minn kemm bħala pajjiż wasalna qabel.
 
It-tielet punt huwa r-rilokazzjoni f'pajjiżi Ewropej.
 
Ikun hemm, kif diġà spjegajt, sitwazzjonijiet fejn l-armata trid tagħżel bejn ħajja jew mewt.
 
Se nkun ċar – jien lest nerfa' kemm hemm bżonn. Il-kritika minn kullimkien lest li nerfagħha.
 
Minn dawk li minn naħa waħda jattakkawna għax hemm eluf li kienu interċettati mill-gwardja tal-kosta Libjana, u minn oħrajn li jikkritikawna għax ma nħallux in-nies jegħrqu.
 
Fid-deċizjonijiet li nieħdu rridu nżommu f'moħħna kollox, mhux l-inqas lis-suldati tagħna u l-familji tagħhom li din is-sena diġà spiccaw is-suġġett ta' inkjesta quddiem il-Qorti u li anke fuq livell internazzjonali jispiċċaw fil-mira ta' min irid isallabhom għax ma jservux ta' xufiera għal kull min jitlaq mil-Libja, kif jixtieq hu. 
 
 F'dawn iċ-cirkostanzi bqajna naħdmu biex il-piż ma jinqasamx waħedna. Ħdimna u qed inkomplu naħdmu ma' pajjiżi oħra Ewropej u l-Kummissjoni Ewropea.
 
Din is-sena ġibna 450 pledge ta' rilokazzjoni ta' immigranti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea, fosthom pledges ġodda fl-aħħar jiem. Fl-aħħar ġimgħat meta reġgħu fetħu l-ajruporti ġew ir-rappreżentanti  tal-pajjiżi rispettivi u fil-ġimgħat li ġejjin ser jintbagħtu numru konsiderevoli ta' immigranti.
 
Qed nagħfsu biex dawn il-wegħdi jinżammu kollha u hekk se jsir.
 
Nifhem li minkejja dan kollu jiġu ġranet bħal tal-lum, fejn iċ-ċittadini Maltin jinkwetaw u jirrabjaw għax jgħidu għaliex pajjiżna spiċċa fin-nofs ta' din il-problema li ma kkawżax hu. Jien l-ewwel wieħed nirrabja bħalkom.
 
Però rrid inserraħ ras kulħadd li dan hu gvern li din il-problema ser jibqa' jiġġilidha, ta' kuljum.
 
Forsi ħafna drabi fis-skiet, iżda b'determinazzjoni ikbar minn qatt qabel. ​​