Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR202601, Press Release Issue Date: Dec 16, 2020
 
Minn restawr għal investiment fi spazji miftuħa, faċilitajiet sportivi u pubblikazzjonijiet, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi qed ikompli jinvesti fil-komunitajiet permezz ta’ flus li jkunu nġabru miċ-ċitazzjonijiet. 

B’inizjattivi kkordinati bejn l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA), l-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali (AKL) u l-Ministeru, qed ikomplu jitlestew proġetti fil-lokalitajiet li għalihom il-kunsilli lokali jiksbu fondi mingħand il-LESA. 

Meta żar proġetti ta’ restawr u tisbieħ f’Ħaż-Żabbar, il-Ministru Byron Camilleri spjega kif dan jissimbolizza l-ħsieb tal-awtoritajiet li d-dixxiplina trid tkun xi ħaġa mhux li tikkastiga iżda li minnha tgawdi s-soċjetà. “Bid-dixxiplina jkollna komunitajiet b’iktar ordni, iżda qed naraw ukoll li ninvestu l-flus li jkunu daħlu fl-istess komunitajiet. Mijiet ta’ eluf ta’ ewro fis-sena qed imorru għal dan l-għan u l-ħsieb tagħna hu li nkomplu nsaħħu dan il-kunċett,” qal il-Ministru Camilleri. 

Il-Ministru José Herrera qal kif, “Dan il-proġett juri l-għaqal tal-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar u d-dedikazzjoni li għandu lejn il-preservazzjoni tal-wirt kulturali tal-lokal. Infakkar li l-aspett kulturali huwa wieħed mid-disa’ pillastri li fuqhom hija msejsa l-politika tal-gvern għal dak li jikkonċerna l-governanza lokali,” sostna l-Ministru Herrera.

F’Ħaż-Żabbar, il-Ministri żaru n-niċċa tal-Madonna tal-Grazzja fi Pjazza San Ġakbu, in-niċċa ta’ San Antnin u l-funtana tal-Arzella f’Misraħ is-Sliem. 

Intant, fil-Fgura kien inawgurat xogħol fuq pitch 5-a-side li għalih ukoll kienu investiti flus li jkunu daħlu miċ-ċitazzjonijiet. L-għan ta’ dan l-investiment hu li ż-żgħażagħ u t-tfal ikollhom spazji iktar tajbin u siguri għar-rikreazzjoni.