Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET L-użu tal-alfabett Malti bil-karatteristiċi tiegħu issa jista’ jintuża fl-ismijiet Maltin. Ġanni huwa l-ewwel wild bl-użu tal-alfabett Malti

Reference Number: PR202667, Press Release Issue Date: Dec 23, 2020
 
Ir-reġistrazzjoni ta’ isem ta’ wild tista’ ssir bl-użu tal-karattri tal-lingwa Maltija hekk kif tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat. L-ewwel isem Malti rreġistrat fuq is-sistema elettronika tar-Reġistru Pubbliku huwa Ġanni bl-użu tal-ittra ‘Ġ’ fl-alfabett Malti.   

“Minn issa ’l quddiem il-ġenituri kollha li jixtiequ jsemmu lil uliedhom b’ismijiet li jħaddnu l-alfabett Malti jistgħu jagħmlu dan grazzi għal investiment qawwi li l-Aġenzija Identity Malta għamlet fis-software li jintegra flimkien il-karta tal-identità, iċ-ċertifikati u l-passaporti”, qal is-segretarju parlamentari. Is-Sur Muscat qal li kien nuqqas tal-Istat Malti li t-tfal li jitwieldu f’Malta ma setgħux jissemmew b’isem li jinkorpora ittri Maltin. 

“Għalhekk rajna li nindirizzaw din l-anomalija fis-sistemi tagħna sabiex nagħtu din l-għażla lill-ġenituri kollha li jsemmu lit-tfal tagħhom b’isem Malti u fuq kollox inkomplu nieħdu ħsieb l-ilsien nattiv tagħna, għaliex din il-lingwa tiġbor fiha l-identità u l-istorja tal-poplu tagħna matul iż-żminijiet u li tagħmilna Maltin kburin b’pajjiżna”.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna l-importanza li nkomplu naraw li l-ilsien nazzjonali tagħna, il-lingwa Maltija, jiġi mħares u użat.

Qabel, meta l-insinwa kienet issir b’mod manwal bil-kitba, l-użu tal-alfabett Malti bil-karattri Maltin kien possibbli, iżda matul iż-żmien, il-proċess ġie diġitalizzat u l-programm użat ma kienx jippermetti dan. Illum, permezz ta’ investiment b’saħħtu li għamlet l-Aġenzija Identity Malta f’sistema ġdida tal-IT, il-ġenituri se jkollhom il-possibilità li jirreġistraw isem il-wild tagħhom bl-użu tal-alfabett Malti. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta Anton Sevasta spjega li fil-jiem li ġejjin l-istess aġenzija se tkun f’pożizzjoni li tibda tilqa’ wkoll talbiet għal korrezzjoni minuri f’dan ir-rigward. L-emendi legali mressqa se jippermettu lil dawk li għandhom isem Malti rreġistrat mhux bl-użu tal-alfabett Malti sabiex b’sempliċiment talba quddiem id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jkunu jistgħu jagħmlu din il-korrezzjoni mingħajr il-bżonn ta’ rikors fil-Qorti. 

Dan is-servizz se jingħata bla ħlas bil-għan ewlieni li nneħħu aktar burokrazija fl-applikazzjonijiet għall-għażla tal-ismijiet. Dawk l-individwi li se jagħmlu din it-tip ta’ korrezzjoni se jinħarġilhom passaport li se jkollu l-istess data tal-iskadenza kif ukoll karta tal-identità ġdida mingħajr l-ebda ħlas. 

Il-pubbliku ġenerali se jkun avżat minnufih hekk kif jidħol fis-seħħ dan is-servizz fiż-żmien li ġej.