Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Jum il-Milied ma’ dawk li jħarsu s-sigurtà tagħna

Reference Number: PR202672, Press Release Issue Date: Dec 25, 2020
 
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri sellem lill-forzi tal-ordni li f'jiem bħal dawk tal-Milied u tal-ewwel tas-sena jirrapportaw għax-xogħol biex jibqgħu jħarsu s-sigurtà tal-Maltin u tal-Għawdxin.

Fi żjarat dalgħodu l-Ministru Byron Camilleri raddilhom ħajr f'isem il-poplu Malti u Għawdxi. Fl-għassa tal-pulizija ta' Raħal Ġdid, il-ministru rringrazzja lill-pulizija għax-xogħol li jwettqu ta' kuljum u r-rieda li urew fl-aħħar xhur li jkunu iktar viċin il-poplu. Żar ukoll l-operations centre tal-Forzi Armati ta' Malta f'Ħal Luqa fejn ikun ikkordinat xogħol importanti mhux biss fuq l-art, iżda wkoll sorveljanza fuq il-baħar u fl-ajru. Fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u fl-istazzjon tat-tifi tan-nar tal-istess żona l-ministru tkellem ukoll mal-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u tal-Protezzjoni Ċivili.

“Kburi b'dawn il-ħaddiema kollha. Fl-aħħar tnax-il xahar rajt rieda kbira biex inwettqu bidliet li riżultat tagħhom nagħtu servizz aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi. Perfetti m'aħniex u forsi qatt mhu se nkunu, iżda qed nagħmlu l-ikbar sforz possibbli u l-ikbar investiment fl-istorja biex nipproteġu bl-aqwa mod is-soċjetà tagħna," qal il-Ministru Camilleri fi tmiem dawn iż-żjarat.

Il-Ministru Camilleri semma kif bħal dawk li żar hu hemm eluf ta' ħaddiema oħra f'setturi differenti, inklużi dawk tas-servizzi ta' detenzjoni u l-AWAS, li wkoll m'għandhomx festi.

“Iċ-ċirkostanzi ta' din is-sena, f'nofs pandemija, forsi ġiegħluna napprezzaw iktar kemm ix-xogħol li għandna rridu nibżgħu għalih billi nagħmlu l-almu tagħna. Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin taw l-aqwa prova ta' dan u huwa għalhekk li pajjiżna baqa' reżiljenti u b'saħħtu," temm il-Ministru Camilleri li fisser li jeħtieġ li l-Maltin jgħinu lill-ħaddiema bl-azzjonijiet tagħhom.