Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Programm għall-familji tal-priġunieri frott ta’ ftehim ma’ Mid-Dlam għad-Dawl

Reference Number: Pr202618, Press Release Issue Date: Dec 17, 2020
 
Ġie ffirmat ftehim maħsub biex jgħin lill-familji tal-priġunieri bejn il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u l-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl. Il-ftehim huwa l-ewwel tat-tip tiegħu u se jkun qed jgħin lill-priġunieri u lill-familja tagħhom jaffaċċjaw l-isfidi li ġġib magħha sentenza ta' priġunerija.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbar dan il-proġett, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li dan huwa mmirat biex tonqos il-probabbiltà li persuna terġa' tagħmel reat u għalhekk biex ikollna inqas vittmi fis-soċjetà.

B'investiment ta' nofs miljun ewro mqassmin fuq medda ta' tliet snin, il-ftehim se jwassal biex jiġu ingaġġati aktar professjonisti biex b'hekk il-priġunier u l-familja jingħataw l-appoġġ li jeħtieġu.  Dawn jinkludu sessjonijiet ta' terapija, sessjonijiet ta' parenting education, psikoterapija individwali u speċjalizzata u terapija fi gruppi.

Il-Ministru Camilleri qal li r-riċerka turi li wieħed minn kull tliet persuni li jidħlu l-ħabs f'pajjiżna kellhom lil xi ħadd fil-familja li kien il-ħabs. “Huwa fid-dover tagħna bħala soċjetà li filwaqt li ma ninsew qatt il-ġustizzja mal-vittma, nassiguraw aktar opportunitajiet ta' integrazzjoni kemm għall-priġunieri meta jerġgħu jsiru parti mill-komunità wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom kif ukoll għall-familji tagħhom li jsofru minn esklużjoni soċjali," saħaq il-ministru.

Fid-diskors tiegħu l-ministru sostna li dan il-proġett huwa biss ħolqa waħda minn katina ta' inizjattivi li qed jieħu l-gvern b'rabta mal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. Huwa spjega li d-dixxiplina hija l-bażi ta' kollox u għaliex l-ordni u s-serenità jagħtu l-ambjent biex jissaħħaħ l-aspett riabilitattiv.  

George Busuttil, f'isem l-organizzazzjoni mid-Dlam għad-Dawl, irringrazzja lill-awtoritajiet għal dan il-ftehim u qal li l-NGO kienet ilha snin tħejji u tirriċerka biex tfassal programm simili. Kellu wkoll kliem ta' ħajr għall-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin għall-koperazzjoni tagħhom biex dan il-ftehim isir realtà.

It-terapista tal-familja Dr Charles Azzopardi fisser l-impatt fuq il-familja li ġġib sentenza ta' priġunerija u elenka l-benefiċċji ta' programm ta' dan it-tip li issa jibda jitħaddem minn kmieni s-sena d-dieħla. ​