Navigate Up
Sign In

Titnieda verżjoni ġdida tal-app 112MT

Reference Number: PR200214, Press Release Issue Date: Feb 11, 2020
 
Fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-112, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, flimkien ma' servizz.gov, nedew verżjoni ġdida tal-app 112MT li toffri aktar servizzi u assistenza f'każ ta' emerġenza.
 
Il-verżjoni l-ġdida tal-app 112MT se toffri mezz effiċjenti biex iċ-ċittadin ikun jista' jagħmel kuntatt faċilment mal-pulizija, mal-Forzi Armata ta' Malta, mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u mal-isptar. Fost il-ħafna faċilitajiet li se toffri din l-app, hemm is-servizz ta' lokalizzazzjoni, ladarba jiġi stabbilit kuntatt mas-servizzi tal-emerġenza. B'hekk, il-GPS jindikalhom fejn iridu jmorru biex jagħtu l-għajnuna tagħhom. L-app toffri wkoll assistenza mhux verbali permezz ta' icons informattivi għal persuni neqsin mis-smigħ, fejn wieħed jista' jindika x'tip ta' għajnuna għandu bżonn, pereżempju theddida għall-ħajja jew nirien fid-dar.
 
"L-app 112MT hi parti mill-wegħda elettorali tagħna bħala gvern, biex inkomplu nsaħħu r-riżorsi tal-korpi kollha sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom b'mod effiċjenti," spjega l-Ministru Camilleri.
 
Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' servizz.gov, is-Sur Winston Pirotta, qal li l-app 112MT hi parti mill-impenn tas-servizz pubbliku biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi tal-gvern b'mod iktar effiċjenti. Is-Sur Pirotta spjega li matul is-sena 2019, l-app 112MT tniżżlet aktar minn elf darba, għaldaqstant, il-verżjoni l-ġdida li toffri aktar faċilitajiet, mistennija tkun aktar aċċessibbli għall-pubbliku.
 
Waqt attività organizzata fl-iskola primarja tal-Fgura fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-112, il-Ministru Byron Camilleri semma li fis-sena 2019, fis-sala tal-kontroll tal-112 daħlu 382,747 telefonata, filwaqt li l-iktar servizz mitlub kien l-assistenza medika b'madwar 56,055 telefonata. Madanakollu, il-ministru spjega li 79% tat-telefonati li daħlu għand il-112 ma kellhomx x'jaqsmu ma' emerġenza. "Nemmen li attivitajiet bħal tal-lum huma bżonnjużi għax għad hemm il-ħtieġa li nqajmu iktar kuxjenza dwar l-użu responsabbli tan-numru 112," sostna l-Ministru Camilleri.
 
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici kien preżenti għall-attività, u rrefera għall-importanza li nedukaw lit-tfal tagħna dwar is-servizzi tal-emerġenza, u kemm huma importanti li dawn jintużaw b'mod korrett u responsabbli.
 
Dr Bonnici rringrazzja lir-rappreżentanti tas-servizzi tal-emerġenza li kienu preżenti, u żied li, "Grazzi għall-fatt li qed nagħtu aktar għarfien lill-istudenti tagħna dwar dawn is-servizzi, mhux biss qed ngħallmuhom dwar ix-xogħol siewi li jsir mill-Protezzjoni Ċivili, mill-Ambulanza, mill-Forzi Armati u mill-Pulizija, imma qegħdin ukoll nagħtuhom l-opportunità li ngħallmuhom dwar l-użu korrett tas-servizz tal-112, u fhiex jikkonsisti, fil-ġurnata Ewropea dedikata għalih."
 
L-app 112MT tista' titniżżel minn maltapps, minn Google Play Store jew mill-Apple Store.