Navigate Up
Sign In

Ċerimonja tal-għoti ta’ ċertifikati u premjijiet lill-membri tal-Korp tal-Pulizija

Reference Number: PR200010, Press Release Issue Date: Jan 05, 2020
 
​Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia flimkien mal-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija Lawrence Cutajar ippresedew waqt iċ-ċerimonja tal-għoti ta' ċertifikati u premjijiet lill-membri tal-Korp li ddistingwew ruħhom b'għemilhom waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
 
B'kollox, 28 membru tal-Korp ingħataw iċ-ċertifikat ta' kommendazzjoni u mertu bħala rikonoxximent tax-xogħol li wettqu matul l-2019. RPC Marthese Camilleri ngħatat il-premju tal-Pulizija tas-Sena talli tul is-servizz tagħha imxiet b'mod eżemplari, onest u b'integrità u b'hekk qed isservi ta mudell għall-membri l-oħra tal-Korp.
 
Distrett 1, li jikkonsisti fil-belt kapitali il-Belt Valletta u l-Furjana ngħata l-premju tas-Shield tas-Sena. Dan id-distrett irnexxielu jnaqqas ir-rata ta' kriminalità b'marġni sostanzjali minn dik irreġistrata s-sena l-oħra.
 
F'din iċ-ċerimonja, 55 eks membri tal-Korp ingħataw ċertifikat u tifkira wara li rtiraw mis-servizz is-sena li għaddiet u li servew fil-Korp għall-25 sena jew aktar.
 
Il-Ministru Michael Farrugia qal li jħossu onorat li għat-tielet sena konsekuttiva r-rata ta' kriminalità reġgħet naqset. Fl-aħħar sena r-rata tal-kriminalità reġgħet naqset bi 2 fil-mija, minkejja żdiedet fil-popolazzjoni, l-affluwenza u t-turiżmu. Dan juri li x-xogħol tal-Pulizija dejjem qed ikun effikaċi u effiċjenti, saħaq il-Ministru.
 
"Wara s-suċċess tal-proġett pilota tal-community policing ġewwa l-Mellieħa, din is-sena, dan il-proġett ser jiġi estiz fuq 11-il lokalità oħra. Dan mhux biss, iżda ser jiżdiedu l-pulizija pajżana fit-toroq. Dak huwa parti mir-riżultati li qed naraw madwarna u għaliex il-kriminalità qed tonqos. Bdejna proġett magħruf bħala hotline biex f'każijiet li għassa tkun magħluqa, wieħed ikun jista' jagħmel rapport xorta waħda".
 
Il-Ministru Michael Farrugia semma wkoll l-investiment bla precident li qed isir fi ħdan il-Korp. Huwa qal li din is-sena għall-ewwel darba l-Korp ser ikollu vetturi u muturi ġodda. Il-Ministru ħabbar li din is-sena ser jingħataw vetturi ġodda ghall-RIU. Huwa qal li qed isir investiment li ma jistax jitħabbar minħabba raġunijiet ta sigurtà. Sar ukoll investiment fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-membri tal-Korp, fosthom li ddaħħlet skema ta' assikurazzjoni għall-membri li jweġġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom.
 
Il-Ministru Michael Farrugia qal li skont stħarriġ li sar, il-fiduċja fil-korp tal-Pulizija qegħda tkompli tiżdied. Il-Ministru fakkar fil-każi tal-omiċidji li ġraw matul is-sena li għaddiet u li kollha kienu solvuti, fosthom każ diffiċli li ssolva grazzi għat-teknoloġija użata. Barra minn hekk, iż-żewġ każi ta' karozza bomba fl-aħħar sentejn ġew konklużi, bl-arrest ta' dawk allegatament involuti, każ minnhom b'kooperazzjoni mill-viċin mal-Europol. Il-Ministru semma wkoll diversi suċċessi oħra fosthom ta' kriminalità li qatt ma twettqet minħabba li l-Pulizija kienet proattiva, kif ukoll qabdiet rekord ta' droga.
 
Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lill-membri tal-Korp li jżommu l-istat sigur u lill-familji tagħhom tas-sostenn li jtuhom.
 
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, f'kelmtejn tal-okkazzjoni, qal li reġgħet kienet sena ta' suċċess għalina. Ġew solvuti d-delitti kollha li saru matul is-sena, rekord ieħor ta' qbid ta' drogi, każi solvuti ta' serq, u ħidma kbira fejn tidħol immigrazzjoni. Qal li r-rata tal-krminalità bejn l-2018 u l-2019 naqset bi 2 fil-mija, u fl-aħħar tliet snin ir-rata tal-kriminalità naqset b'10 fil-mija.
 
Il-Kummissarju Cutajar qal li kamp ieħor li l-Korp tal-Pulizija ħadem fuqu kien dak tal-frodi u ħasil ta' flus. Barra li saħħaħna din is-sezzjoni, sa nofs is-sena d-dieħla din it-taqsima se tkun f'post ġdid u aktar komdu biex twettaq il-ħidma tagħha f'Santa Venera.
 
Is-Sur Cutajar qal ukoll f'dawn l-aħħar tliet snin, minbarra s-suċċessi fit-tnaqqis tal-kriminalità, huwa ra li l-membri tal-Korp ikunu aktar motivati, b'aktar għodod. Semma d-distretti li dejjem ingħataw importanza, u li sa nofs Frar il-vetturi tad-distrett se jkunu kollha ġodda.
 
Iċ-ċerimonja saret fis-Sala Vilhena fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, u saret ukoll quddiesa ċċelebrata mill-Kappillan tal-Korp, Fr Raymond Bonnici OFM.