Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U NEGOZJI ŻGĦAR U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR201311, Press Release Issue Date: Jul 10, 2020
 
Inawgurazzjoni ta' tagħmir ġdid għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b'investiment ta' €190,000 permezz ta' ftehim ma' Malta Industrial Parks
 
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri flimkien mal-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri inawguraw tagħmir ġdid għall-Protezzjoni Ċivili b'investiment ta' €190,000. Dan it-tagħmir huwa riżultat ta' ftehim bejn il-Malta Industrial Parks u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b'tal-ewwel offrew l-investiment biex jinxtraw il-vetturi u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed joffri t-taħriġ għall-persuni li jmexxu l-fabbriki.
 
Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif din il-kollaborazzjoni bejn il-ministeri u entitajiet differenti tista' tagħmel differenza kbira fil-ħajja tan-nies. “Ir-realtà tal-lum hi li ż-żoni industrijali kibru u b'konsegwenza kibru wkoll il-bżonnijiet tagħhom. Dan ifisser li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jrid jaddatta għal din ir-realtà wkoll", qal il-ministru.
 
Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar kif id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta l-kontribut tiegħu fejn jidħol taħriġ anke direttament lis-sidien. Fil-fatt sar taħriġ fost is-sidien fejn għandu x'jaqsam fire drills, biex ikunu iktar konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom, li jkun hemm aktar spezzjonijiet fuq il-post u iktar minn hekk anke livell ta' konsultazzjonijiet ta' pariri bejn iż-żewġ naħat.
 
Grazzi għal ftehim ta' kollaborazzjoni sabiex issir ħidma eqreb f'dak li għandu x'jaqsam sigurtà u protezzjoni mill-aspett industrijali, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri spjega kif l-appoġġ finanzjarju ta' €190,000 mingħand l-MiP sarraf sabiex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ikun mgħammar bi flotta ġdida biex issa d-dipartiment għandu żewġ bowsers tal-ilma li jesgħu mat-42,000 litru kompluti kemm permezz ta' pompi, apparat ieħor mekkaniku u żewġ bowsers oħra li jġorru mal-20,000 litru kull wieħed. B'hekk qed naraw tagħmir ta' ċertu livell u adegwat li jgħin lil dawn il-frontliners f'każ ta' inċident.
 
“Deħlin f'fażi ġdida fl-istorja tal-industrija f'pajjiżna. Għandna proġett ambizzjuż ta' aktar minn €400 miljun li se jbiddel il-wiċċ ta' ħafna miż-żoni industrijali kif nafuhom illum. Għal dan hemm bżonn il-kontribuzzjonijiet u kollaborazzjoni bejn entitajiet, l-importanza li jkun hemm għarfien qawwi li nkunu iżjed ippreparati għal li jista' jinqala. Minn hawnhekk ninkoraġġixxi din il-ħidma li diġà qed issir, u min-naħa tagħna se nkunu qed nagħtukom l-appoġġ li tkunu qed tfittxu sabiex nassiguraw is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kemm tagħkom biex taħdmu b'tagħmir adekwat u kemm tal-ħaddiema tagħna", qal Silvio Schembri.