Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: Investiment f’tagħmir għall-anzjani u għall-persuni b’diżabilità

Reference Number: PR201298, Press Release Issue Date: Jul 08, 2020
 
​Is-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet ta 64 siġġu tar-roti u 7 saqqijiet speċjalizzati sabiex jintużaw minn anzjani li jgħixu fir-Residenza ta’ San Vinċenz De Paul u minn persuni b’diżabilità li jgħixu fir-residenzi li jaqgħu taħt Aġenzija Sapport. Dan it-tagħmir sewa madwar €20,000 u ngħata minn fondi ġġenerati mill-investiment tal-IIP.​
 
 
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li s-sigriet wara s-suċċess tal-gvern huma l-għaqda u l-koperazzjoni bejn id-diversi ministeri u entitajiet. Il-Ministru Michael Falzon qal li pajjiżna għamel passi kbar fejn jidħlu l-anzjani u l-persuni b’diżabilità. Semma li sena wara sena komplew jiżdiedu l-pensjonijiet filwaqt li ngħataw aktar opportunitajiet lil persuni b’diżabilità.
 
Qal li l-pagament tal-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa issa żdied minn €150 għal €161.40 fil-ġimgħa, sabiex issa qed ilaħħaq mal-Paga Minima Nazzjonali Netta. Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar l-investiment li qed isir f’San Vinċenz li din il-ġimgħa laqa’ aktar anzjani f’parti ġdida. Semma wkoll il-Proġett Narċis, f’San Vinċenz, li se jkun qed jilqa’ persuni li sofrew diżabilità kawża ta’ xi inċident gravi.
 
“Għal darba oħra qed naraw li bis-saħħa tal-fondi miġjuba minn investiment dirett barrani qed inkomplu ninvestu fil-komunità tagħna. Din id-darba rajna li nagħtu għajnuna xierqa lill-anzjani tagħna kif ukoll lill-persuni b’diżabilità b’xiri ta’ siġġijiet tar-roti u saqqijiet motorizzati,” qal is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat. Is-Sur Muscat tenna li din l-inizjattiva tal-lum hija waħda fost il-ħafna oħrajn li tħabbru fil-ġimgħat li għaddew u li l-għan ewlieni tagħhom hu li nkomplu nħarsu u ngħinu fl-iżvilupp soċjali lill-komunitajiet tagħna. “Dan hu l-frott li ħalla l-IIP minn investiment bla preċedent. Ir-regolamentazzjoni ġdida ta’ residenza li se tiġi fis-seħħ minflok il-programm eżistenti tal-IIP se tara li dan il-benefiċċju jasal aktar għand il-komunitajiet tagħna,” ikkonkluda s-Sur Muscat.
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li din id-donazzjoni se tkompli tgħin biex ikomplu jiġu provduti l-aqwa servizzi possibbli għall-anzjani u għall-persuni b’diżabilità li jgħixu f’dawn ir-residenzi. Flimkien mat-titjib li dan il-gvern qed jagħmel f’dawn is-setturi, dan it-tagħmir se jkompli jgħin sabiex l-anzjani u l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja iżjed komda, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Parnis.​