Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Inawgurat hub reġjonali tal-Aġenzija LESA

Reference Number: PR201413, Press Release Issue Date: Jul 24, 2020
 
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri inawgura l-hub reġjonali tal-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA) fil-Mosta.

Dan il-hub huwa immirat biex il-ħtiġijiet tar-reġjun tat-Tramuntana, magħmul minn numru ta’ lokalitajiet, ikunu moqdija aħjar hekk kif l-uffiċjali tal-komunità se jkollhom preżenza eqreb. Fost oħrajn, f’dan l-uffiċċju se jkun hemm stazzjonat Regional Enforcement Officer biex, f’każ ta’ inċident f’dan ir-reġjun, ikun jista’ jasal fuq il-post fl-inqas ħin possibbli.

Il-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju huwa pass importanti anke għal ħaddiema li jaħdmu f’din l-akwata għax minn issa ’l quddiem ser jibdew jirrappurtaw għax-xogħol direttament minn dan il-hub. B’hekk, se jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar u l-iskariġġ żejjed għax jirrappurtaw direttament viċin fejn se jaħdmu u mhux jivvjaġġaw lejn l-uffiċċju ċentrali u lura. Dan ifisser li jħalli wkoll impatt pożittiv fuq l-ambjent u t-traffiku.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif dan il-pass huwa parti minn sensiela ta’ inizjattivi oħra sabiex nassiguraw is-sigurtà tal-komunitajiet tagħna. “Huwa fid-dover tagħna li kull fejn nagħtu servizz nagħtuh bl-aqwa mod possibbli anke jekk dan hu ż-żamma ta’ dixxiplina. Lokalitajiet dixxiplinati jfissru lokalitajiet organizzati u iktar siguri. Il-LESA hija aġenzija kruċjali sabiex l-infurzar tal-liġi jseħħ u għalhekk se nkomplu ninvestu biex nassiguraw li jingħata servizz dejjem aħjar lill-pubbliku,” qal il-Ministru Camilleri.