Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Ritorn gradwali għal servizzi normali ta’ Identity Malta

Reference Number: PR201113, Press Release Issue Date: Jun 12, 2020
 
​Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, għamel żjara fl-uffiċini l-ġodda ta' Identity Malta fl-Imsida li ġew inawgurati aktar kmieni matul din is-sena.
 
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru seta' jinnota l-impenn ta' Identity Malta li tkabbar il-pjattaforma diġitali tagħha fl-istess waqt li tmur kemm jista' jkun 'paperless' fl-operat tagħha. Il-proċess ta' ħruġ ta' permess ta' residenza u xogħol għal ċittadini ta' nazzjonalità terza, inkluż it-tiġdid u talbiet għal tibdil fix-xogħol, ġie emigrat online. Bl-introduzzjoni ta' dan is-servizz online, il-proċess sar wieħed aktar effiċjenti, mingħajr ma ġew mittiefsa l-kontrolli ta' sigurtà. Fiż-żmien li ġej, Identity Malta se tkompli tintroduċi servizzi ġodda online, inkluż in-notifiki tat-twelid u l-imwiet.
 
Wara li l-passaport Malti ġie rikonoxxut bħala l-Aqwa Dokument tal-Identità Reġjonali tas-Sena, din il-ġimgħa Identity Malta bdiet toħroġ gradwalment il-permess ta' residenza ġdid għal ċittadini minn pajjiżi terzi. Il-pass li jmiss se jkun dak li gradwalment inbiddlu l-Karta tal-Identità taċ-ċittadini Maltin.
 
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat faħħar l-isforzi ta' Identity Malta sabiex tkun minn tal-ewwel li tipproteġi l-identità ta' dawk kollha li jagħżlu lil Malta bħala l-post ewlieni ta' residenza u xogħol tagħhom, filwaqt li kompla jtenni li l-isforzi ta' pajjiżna fl-avvanzi teknoloġiċi huma kbar.
 
Eventwalment, Identity Malta se tkun qed toħroġ dokument ta' residenza ġdid lil ċittadini tal-Unjoni Ewropea, skont il-leġislazzjoni addottata riċentament mill-Unjoni Ewropea. Dan kollu huwa turija ċara kif, quddiem it-theddida globali tal-iffalsifikar tad-dokumenti u s-serq tal-identità, l-Aġenzija Identity Malta qed tkun għal darb'oħra proattiva fil-ħarsien tal-identità taċ-ċittadini tagħha.
 
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri spjega kif ix-xogħol li tagħmel Identity Malta huwa ħolqa oħra importanti fil-qasam tal-intern. “Permezz ta' Identity Malta, qed naraw li pajjiżna jkun minn ta' quddiem nett fejn jidħlu d-dokumenti ta' identifikazzjoni, fosthom il-passporti u d-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-Maltin u l-barranin li jirrisjedu fostna. Ser inkomplu naħdmu wkoll sabiex jissaħħu l-istrutturi ta' din l-aġenzija fejn tidħol l-immigrazzjoni legali," qal il-Ministru Camilleri.​