Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET

Reference Number: PR201129, Press Release Issue Date: Jun 15, 2020
 
​​Ftuħ mill-ġdid tal-uffiċċju tal-aġenzija ta' Identity Malta f'Mater Dei. Ħidma biex in-notifiki tat-twelid u tal-imwiet jibdew isiru online dalwaqt​​
 
Il-ftuħ tal-uffiċċju tal-aġenzija Identity Malta f'Mater Dei huwa turija ċara ta' kemm il-gvern huwa kommess li jibqa' jaħdem sabiex is-servizzi tiegħu jkunu aktar aċċessibbli u qrib il-pubbliku. Dan sabiex inkomplu nagħtu servizz tajjeb u nsaħħu x-xogħol siewi li diġà sar, qal is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt żjara fl-uffiċċju li l-aġenzija Identity Malta għandha fl-Isptar Mater Dei.
 
Huwa faħħar l-impenn tal-aġenzija li tkompli tidentifika miżuri li permezz tagħhom, il-pubbliku jkun jista' jingħata s-servizz mixtieq b'mod mill-aktar effiċjenti u mingħajr skariġġ. Huwa proprju għalhekk li l-aġenzija ħadmet fuq proċedura, li issa waslet fil-fażi finali tagħha, u li fil-ġimgħat li ġejjin, in-notifiki ta' twelid u ta' mewt se jkunu jistgħu jibdew isiru online.
 
Sa mill-ftuħ uffiċjali tiegħu f'April tal-2018 dan l-uffiċċju, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jilqa' notifiki ta' twelid u ta' mwiet, irreġistra żieda sostanzjali fit-talbiet għas-servizzi li jagħti. Sal-aħħar ta' Mejju ta' din is-sena dan l-uffiċċju rreġistra total ta' 7,092 notifika ta' twelid, li jammontaw għal madwar 80% tat-twelid f'Malta. Matul l-istess perjodu pproċessa wkoll 3,496 notifika ta' mewt li jammontaw għal 45% tal-imwiet kollha f'Malta. Dan l-uffiċċju joffri wkoll assistenza lill-pubbliku dwar xi diffikultà li jista' jkollu b'rabta mas-servizzi tar-Reġistru Pubbliku kif ukoll servizz ta' passaport ta' emerġenza għal trabi jew tfal taħt it-tliet snin li jkollhom bżonn ta' kura urġenti barra minn Malta. Waqt l-imxija tal-COVID-19, Identity Malta kienet proattiva u pprovdiet l-arranġamenti neċessarji sabiex dawn in-notifiki jkunu jistgħu jsiru bil-posta. B'riżultat ta' dan ġew proċessati 350 notifika ta' twelid u mitt notifika ta' mewt li waslu f'dan l-uffiċċju bil-posta.
 
Is-segretarju parlamentari tenna li l-uffiċċju ta' Identity Malta fl-Isptar Mater Dei huwa turija ċara tal-impenn li l-istess aġenzija għandha lejn il-komunità tagħna. Fakkar li l-impjegati ta' Identity Malta jinsabu fuq quddiem nett sabiex ikunu spalla ma' spalla ma' nies li jkunu qed jgħixu dawn il-mumenti partikolari fil-ħajja tagħhom. It-twelid ta' tarbija ġdida jew mewt ta' membru tal-familja jimmarkaw il-ħajja ta' kull min jgħixhom. Għaldaqstant dan l-uffiċċju jixhed ir-rieda tal-aġenzija Identity Malta li toħroġ mill-uffiċini regolari tagħha, u twaqqaf servizz essenzjali f'dawn il-mumenti importanti mingħajr skariġġ u ġiri.
 
Il-Kap Eżekuttiv ta' Identity Malta, is-Sur Anton Sevasta, irringrazzja lill-ħaddiema tal-aġenzija tal-impenn li għandhom kemm lejn l-aġenzija kif ukoll lejn il-pubbliku li jirrikorri għall-għajnuna tagħhom fid-diversi servizzi li toffri. Laqa' b'sodisfazzjon iċ-ċifra inkoraġġanti tan-notifiki li kienu proċessati minn dan l-uffiċċju. Rigward iċ-ċifra tal-imwiet notifikati fl-uffiċċju ta' Mater Dei, is-Sur Sevasta fakkar li permezz ta' taħriġ apposta li l-aġenzija tat lil diversi impjegati ta' djar residenzjali f'Malta kif ukoll fir-Residenza San Vinċenz de Paule, notifiki ta' mewt li jseħħu f'dawn id-djar ikunu jistgħu jsiru hemmhekk stess. Din hija turija ċara ta' kemm l-aġenzija Identity Malta tagħti prijorità lill-interessi tal-pubbliku inġenerali, saħaq is-Sur Sevasta.
 
L-uffiċċju ta' Identity Malta fl-Isptar Mater Dei jkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7:30am sas-14:00, nhar ta' Erbgħa jiftaħ ukoll mit-3:00pm sas-6:00pm u nhar ta' Sibt mis-7:30am sal-11:00am. Wieħed jista' jagħmel kuntatt ma' dan l-uffiċċju permezz tal-email fuq  localnotifications.pubreg@gov.mt jew permezz tat-telefon fuq 2590 4275 jew fuq 2590 4276.