Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET Estensjoni ta’ permessi ta’ residenza u ta’ xogħol lill-ħaddiema kollha barranin fl-oqsma tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani u tan-nies b’diżabilità, fid-dawl tal-aħħar żviluppi

Reference Number: PR200528, Press Release Issue Date: Mar 19, 2020
 
“Illum inħabbru li se tiddaħħal miżura oħra ma' dawk li diġà ħabbarna fejn jidħlu l-ħaddiema barranin, u li se jagħtu serħan il-moħħ lil dawk kollha li jaħdmu fl-oqsma tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani u tan-nies b'diżabilità. Dan fid-dawl ta' dak li qed iseħħ bħalissa minħabba l-aħħar żviluppi ta' COVID-19", qal is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat.
 
Din il-miżura se tassisti lill-ħaddiema fis-setturi tas-saħħa, tal-kura tal-anzjani u tan-nies b'diżabilità, u se testendi l-permessi ta' residenza u ta' xogħol awtomatikament bi tliet (3) xhur, għal dawk il-ħaddiema li l-permess tax-xogħol tagħhom wasal biex jiskadi fiż-żmien li ġej. Dawk il-ħaddiema li l-permess tagħhom se jiskadi, huma mħeġġa jibagħtu email fuq medical.ima@gov.mt sabiex jiġġedded il-permess tagħhom awtomatikament. L-estensjoni lill-ħaddiema fis-saħħa u fil-kura tal-anzjani u tan-nies b'diżabilità se ssir bla ħlas. Se jkun hemm eżenzjoni ta' ħlas ukoll fuq każijiet fejn kien hemm tibdil fl-operatur li jipprovdi l-impjieg.
 
“Għarafna l-bżonn u l-urġenza li dawn in-nies jibqgħu jagħtu dan is-servizz utli f'pajjiżna, u għaldaqstant, ħadna din id-deċiżjoni li nestendu l-permessi tar-residenza u tax-xogħol ta' dawn il-ħaddiema, sabiex nassiguraw li nibqgħu nagħtu prijorità lis-saħħa u lill-kura tagħna qabel kollox," żied is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat.
 
Is-Sur Muscat saħaq li dawn il-miżuri addizzjonali ttieħdu b'deċiżjoni għaqlija u kollettiva, sabiex is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha kif ukoll tal-poplu inġenerali, tkompli tiġi ssalvagwardjata.
 
Apparti din il-miżura mħabbra llum, qed jiġu mħabbra tibdiliet oħrajn fl-operat tal-uffiċċju ta' Identity Malta mis-sezzjoni tal-espatrijati.
 
Expatriates Unit u Visa Unit
 
B'addizzjoni għad-deċiżjoni li ħa l-gvern, dik li Malta mhix se tilqa' applikazzjonijiet ġodda għall-permessi ta' residenza u ta' xogħol ta' ċittadini ta' nazzjonalità terza, ħlief dawk li huma highly-skilled, l-Uffiċċju tal-Espatrijati qed jieħu dawn il-miżuri, fost l-oħrajn:
 
    Tiġdid ta' permessi ta' residenza u ta' xogħol u ta' tibdil fl-impjieg għandhom isiru mis-sit www.singlepermit.gov.mt , għajr għal min m'għandux aċċess għas-sistema onlajn.

     Applikazzjonijiet ġodda ta' impjegati highly-skilled għandhom jiġu sottomessi onlajn ukoll
 
     Dawk l-applikanti li għandhom bżonn iġeddu l-permess temporanju (blue paper) tagħhom, għandhom jibagħtu email fuq eresidence.ima@gov.mt  u jitolbu konferma
 
     Il-customer care desk mhux se jkun qed jara lill-pubbliku iżda se jibqa' jagħti servizz permezz ta' email: eresidence.ima@gov.mt  jew fuq in-numru tat-telefon +356 2590 4800.
 
Bl-istess mod, dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li matul ix-xahar ta' Marzu ġew infurmati li l-preżenza tagħhom f'pajjiżna kienet waħda awtorizzata, ma jistgħux japplikaw għall-permessi ta' residenza u ta' xogħol jew għall-viża qabel l-1 ta' April 2020. F'każ li jintilef id-dokument ta' residenza u ta' xogħol, jew id-detentur għandu bżonn ibiddel l-indirizz tiegħu, jista' jagħmel dan mill-uffiċċji ta' Identity Malta, fl-Imsida.
 
Talbiet għal ħruġ ta' viża se jintlaqgħu biss f'każijiet eċċezzjonali, bħall-familjari ta' ċittadini Ewropej, professjonisti tas-saħħa u carers.
 
Ċittadini Ewropej u l-familjari tagħhom m'għandhomx bżonn ikunu fil-pussess ta' dokument ta' residenza jekk se jagħmlu inqas minn tliet (3) xhur f'pajjiżna. Dawk l-Ewropej u l-familjari tagħhom li beħsiebhom jagħmlu perjodu itwal minn tliet (3) xhur f'pajjiżna, jistgħu japplikaw għad-dokument mill-uffiċċji ta' Identity Malta fl-Imsida mhux qabel l-1 ta' April 2020 u wara perjodu ta' 14-il ġurnata kwarantina obbligatorja jekk ikunu għadhom ġejjin minn barra.
 
Ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-membri tal-familja tagħhom li għandhom bżonn iġeddu d-dokument ta' residenza tagħhom, jistgħu jagħmlu dan mill-uffiċċji ta' Identity Malta, fl-Imsida. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eżistenti, dawn mhux obbligati li japplikaw għal tiġdid bilfors qabel id-data tal-iskadenza tad-dokument li għandhom.
 
Dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ sakemm ikun komunikat mod ieħor. F'kummenti li għadda, is-segretarju parlamentari saħaq li f'mumenti diffiċli bħal dawn, it-tibdil li hu meħtieġ se jsir b'mod immedjat. Dan għaliex is-settur tas-saħħa u tal-kura jibqa' prijorità.​