Navigate Up
Sign In

STQARIJJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Flus taċ-ċitazzjonijiet investiti fil-lokalitajiet

Reference Number: PR200967, Press Release Issue Date: May 21, 2020
 
​Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi enfasizza li d-dixxiplina għandha twassal biex fis-soċjetà nirrispettaw iktar lil xulxin u mhux biex nieħdu gost nikkastigaw.​
 
Huwa għalhekk li l-Aġenzija tal-Infurzar Lokali (LESA) tiddedika miljun ewro fis-sena biex mill-ħlas taċ-ċitazzjonijiet isiru proġetti fil-lokalitajiet. Dawn huma proġetti li jvarjaw minn dawk ambjentali, għal oħrajn infrastrutturali, edukattivi u ta’ restawr. Il-Ministru Byron Camilleri żar wieħed mill-proġetti ta’ restawr f’Ħal Qormi fejn b’nefqa ta’ €28,000 qed isir restawr fuq statwa ta’ San Ġorġ, tisbiħ tal-pjazza u qed isiru wkoll xi sqaqien antiki.
 
“Fuq sena biss, minn dan il-fond qed ninvestu aktar minn ħamsin elf ewro fuq restawr. Huwa sabiħ li nagħtu lura lill-komunità dak li l-aġenzija tkun ħadet minn ksur ta’ liġi fl-istess lokalitajiet. Meta wieħed jinforza jkun qed jipproteġi lis-soċjetà u lil min josserva l-liġi”, qal il-Ministru Byron Camilleri li żied li inizjattivi bħal din tal-LESA huma l-ikbar sinjal li l-gvern huwa interessat fl-edukazzjoni.
 
“Iċ-ċitazzjonijiet m’għandhomx iservu ta’ qligħ għall-Gvern. Il-Gvern joħloq il-ġid billi jinċentiva n-negozju u jkabbar l-ekonomija. Għalhekk nagħżlu li nagħtu lura lin-nies dawn il-flus”, qal il-Ministru Camilleri f’Ħal Qormi filwaqt li rringrazzja lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u lill-istess kunsilli lokali li opportunità bħal din jippruvaw jaħtfuha.
 
“Sodisfatt li hemm kunsilli lokali li joħorġu bi proġetti interessanti u innovattivi. Fuq tliet snin se jkunu ntefqu tliet miljun ewro. Impenjat li għaż-żmien li ġej il-LESA tkompli tagħti iktar lis-soċjetà”, temm il-Ministru Camilleri li kien akkumpanjat mis-Sindku ta’ Ħal Qormi Renald Falzon.
 
Is-Sur Falzon qal kif il-ħolma tal-kunsilli lokali hi li jsebbħu l-lokalitajiet tagħhom għalhekk dawn il-fondi huma kruċjali biex ikunu kapaċi jaħdmu fuq proġetti ta’ dan it-tip.