Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI: Grupp ta’ immigranti rilokati lejn Franza

Reference Number: PR201807, Press Release Issue Date: Sep 23, 2020
 
Dalgħodu, grupp ta’ immigranti ġew rilokati minn Malta lejn Franza wara ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi maħsub biex inaqqas mill-piż tal-immigrazzjoni. L-immigranti ħallew Malta permezz ta’ titjira diretta lejn Pariġi bil-għan li jkomplu bil-proċess tal-ażil fi Franza. 

It-trasferiment tal-immigranti seta’ jsir wara li saru l-preparamenti meħtieġa mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, l-Ambaxxata Franċiża f’Malta u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM). Dawn il-preparamenti kienu jinkludu wkoll eżamijiet mediċi sabiex jassiguraw li ħadd mill-immigranti mhu pożittiv għall-COVID-19. 

Minkejja l-ostakli li ġabet magħha l-pandemija fejn jidħlu r-rilokazzjonijiet, l-awtoritajiet Maltin qed jaħdmu sabiex mijiet ta’ immigranti oħra jkunu trasferiti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin. 

Ir-rilokazzjoni tal-lum qed issir fl-istess waqt li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda fil-proċess li tniedi politika aġġornata dwar l-immigrazzjoni. Il-Gvern Malti jemmen li l-qsim tar-responsabbiltà tal-immigranti huwa parti mis-soluzzjoni sabiex Malta ma terfax il-piż tal-immigrazzjoni waħidha. 

Ir-rilokazzjoni hija wieħed mill-pilastri tal-istrateġija tal-gvern fuq l-immigrazzjoni irregolari, flimkien mal-prevenzjoni tal-wasliet u r-ritorn ta’ dawk il-persuni li ma jkunux eliġibbli għal protezzjoni f’pajjiżna.​