Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR201655, Press Release Issue Date: Sep 04, 2020
 
​Il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal waħda minn sensiela ta' laqgħat ta' konsultazzjoni li qegħdin isiru mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ma' kunsilli lokali bil-għan li jisma' b'mod dirett dwar il-ħtiġijiet tar-residenti b'rabta ma' aspetti ta' sigurtà. Għal-laqgħa tal-lum attendew 10 rappreżentanti ta' kunsilli lokali bi sfidi komuni.
 
Il-Prim Minsitru Robert Abela tkellem dwar kif il-Gvern mhux se jaħrab minn sfidi li jeżistu f'għadd ta' lokalitajiet f'pajjiżna u kien għalhekk li għażel li jkun fost is-sindki biex jieħu nota hu wkoll ta' dak li l-gvern għandu jkun konxju tiegħu.
 
Dr Abela qal li l-attitudni dejjem għandha tkun waħda fejn kulħadd, hu min hu jew hi min hi, josserva l-liġijiet ta' pajjiżna u għalhekk l-impenn li qed isir biex jiżdied l-infurzar tal-ordni pubblika fl-ibliet u l-irħula tagħna.
 
Il-Ministru Byron Camilleri saħaq kif għall-Ministeru li jmexxi hu s-sigurtà tfisser ukoll is-serħan il-moħħ li għandu jkollhom ir-residenti u l-infurzar tal-liġijiet bil-għan li fis-soċjetà jkun hemm ordni u dixxiplina. Fisser li huwa għal dan il-għan li jrid jinżamm kuntatt dirett mar-rappreżentanti tal-lokalitajiet.
 
Fil-fatt għall-istess laqgħa kienu mistiedna l-ogħla uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali, il-LESA.
 
“Bdejna u se nkomplu naħdmu biex ikollna preżenza ikbar ta' pulizija u uffiċjali oħra ta' infurzar fil-lokalitajiet. Iżda, illum qiegħed hawn biex nisma' mingħandkom, biex flimkien infasslu l-prijoritajiet li rridu naħdmu fuqhom f'dan il-livell għaż-żmien li ġej," kien il-messaġġ tal-Ministru Camilleri f'din il-laqgħa li matulha kienu diskussi diversi ideat.​​