Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET Ir-Reġistru Pubbliku u l-Uffiċċju tal-Passaporti fi ħdan Identity Malta jibdew joperaw minn binja ġdida

Reference Number: PR210674, Press Release Issue Date: Apr 09, 2021
 
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat inawguraw l-uffiċċji l-ġodda tar-Reġistru Pubbliku u l-Passaporti fil-Marsa. 

Fil-jiem li għaddew il-ħidma min-naħa taż-żewġ dipartimenti kompliet hekk kif il-pubbliku beda jinqeda minn din il-binja ġdida. Il-bżonn li l-aġenzija timxi minn Evans Building għal binja ġdida kien ilu jinħass, speċjalment meta l-binja ma baqgħatx taqdi l-funzjonijiet tal-aġenzija fid-dawl taż-żieda fid-domanda għas-servizzi offruti minn dawn id-dipartimenti. Għal din ir-raġuni, l-aġenzija Identity Malta għarfet il-bżonn li tirriloka għal binja aktar moderna, attrezzata u aċċessibbli hekk kif jixraq lis-servizz pubbliku u lill-ħaddiema.

Fl-indirizz tiegħu l-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri tenna li Identity Malta hija ħolqa oħra importanti fil-qasam tal-intern u s-sigurtà ta’ pajjiżna. “Pajjiżna ma jistax ikollu qasam tal-intern b’saħħtu jekk ma jkomplix itejjeb, isaħħaħ u jimmodernizza dawk l-aspetti li tagħhom hija responsabbli Identity Malta. Għalhekk il-Gvern qed juri li lest li jtejjeb u jsaħħaħ is-servizzi li toffri din l-Aġenzija,” spjega l-Ministru Camilleri.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat saħaq li l-ftuħ tal-uffiċċji l-ġodda fil-Marsa tkompli turi l-viżjoni tal-Aġenzija li tibqa’ tkabbar l-operat tagħha u tagħti l-aqwa servizz possibbli lil dawk kollha li jagħmlu użu mis-servizzi li toffri. Is-Sur Muscat sostna li dan l-uffiċċju ġdid se jkun qed jagħti servizz aktar ċentralizzat fejn il-pubbliku jkun qed jinqeda minn post aktar modern u l-ħaddiema jaħdmu minn post attrezzat aħjar. 

“L-uffiċini l-ġodda jistgħu faċilment jintlaħqu minn kulħadd bit-trasport pubbliku. Hekk kif diġà kellna rispons pożittiv, qegħdin ukoll inħarsu sabiex inwasslu aktar servizzi fil-komunitajiet tagħna, din id-darba bi ftuħ ta’ fergħa ġdida f’lokalità oħra li għandha sservi ta’ one-stop-shop minn fejn il-pubbliku jkun jista’ jinqeda. Dan sabiex nassiguraw li l-aġenzija tkun qed tagħti servizz ċentrali bil-pubbliku moqdi bl-akbar kumdità,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Anton Sevasta saħaq fuq l-importanza li l-pubbliku jkun moqdi kif xieraq, fl-istess waqt li l-ħaddiema jaħdmu f’post attrezzat u adekwat għall-ħtiġijiet tagħhom. Is-Sur Sevasta sostna li d-direzzjoni li qabdet l-aġenzija biex tmur iktar online filwaqt li twassal servizz usa’ fil-komunità jinkwadraw tajjeb fl-istrateġija li se tressaq fil-ġimgħat li ġejjin bil-għan li tipprovdi servizz pubbliku tal-ogħla kwalità u mill-aktar effiċjenti.