Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: Insaħħu lill-Ħaddiem: Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv bejn Residenza Malta u l-GWU

Reference Number: PR210785, Press Release Issue Date: Apr 26, 2021
 
Titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u fis-servizz li jingħata lill-klijent

L-ewwel ftehim kollettiv ġie ffirmat bejn Residenza Malta u l-General Workers' Union.

Residenza Malta hija l-Aġenzija li tamministra l-proċess ta' applikazzjonijiet għall-għoti ta' residenza skont ir-Regolamenti dwar il-Programm ta' Residenza Permanenti ta' Malta.

Il-ftehim kollettiv ikopri ħames snin, mill-2020 sal-2024, u se jtejjeb l-istruttura tas-salarji, il-benefiċċji u l-kundizzjonijiet tal-impjegati.

Dan bl-għan li jinħoloq ambjent pożittiv fuq il-post tax-xogħol u biex l-Aġenzija tibqa' tagħti l-appoġġ tagħha għat-taħriġ kontinwu tal-impjegati. 

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif il-ħaddiem fiċ-ċentru tal-ħidma ta' dan il-gvern u l-iffirmar ta' dan il-ftehim jixhed kif l-attitudni tal-gvern illum hija ferm differenti minn dik ta' gvernijiet oħra. Huwa qal kif f'mument fejn id-dinja ffaċċjat pandemija, il-ħaddiem Malti sab gvern jappoġġjah.

Fil-messaġġ tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li t-tisħiħ fil-ħaddiem ifisser tisħiħ fit-tip ta' servizz li jingħata, u ħeġġeġ lil Residenza Malta tkompli bil-ħidma eċċellenti tagħha.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Kap Eżekuttiv ta' Residenza Malta Charles Mizzi qal li l-impjegati jirrappreżentaw wieħed mill-valuri ewlenin tal-Aġenzija. “Il-ħaddiema huma fil-qofol ta' kull inizjattiva li nieħdu. Nemmnu bis-sħiħ fl-investiment professjonali u personali ta' kull impjegat," kompla jgħid is-sur Mizzi.

F'isem il-General Workers' Union, Kendrick Bondin qal li l-Union dejjem taħdem biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema. Iddeskriva dan il-ftehim bħala pass importanti 'l quddiem fl-istorja tal-Aġenzija.