Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI L-Aġenzija LESA tippreżenta donazzjoni ta’ €10,000 lill-Fondazzjoni RISE

Reference Number: PR210630, Press Release Issue Date: Apr 01, 2021
 
Waqt żjara lir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li llum qed jgħixu fil-komunità, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA Svetlick Flores, ippreżentaw donazzjoni ta' €10,000 lill-Fondazzjoni RISE. Il-fondi ngħataw biex il-fondazzjoni tkun tista' tibqa' twettaq inizjattivi għal priġunieri li jfittxu s-servizzi tagħha meta jkunu waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom. 

“Meta rajna x-xogħol tajjeb li qed tagħmel il-fondazzjoni ħassejna li huwa fid-dover tagħna bħala ministeru li nkomplu nsaħħu dawn it-tip ta' proġetti għaliex is-soċjetà tista' tgawdi minnhom", qal il-Ministru Camilleri. Huwa spjega li meta tkellem mar-residenti ra l-importanza li ma niġġudikaw lil ħadd u li kulħadd ħaqqu iżjed opportunitajiet fil-ħajja. “Din hija waħda mill-inizjattivi li qed tieħu l-Aġenzija LESA biex tassigura li tinvesti lura dak li ddaħħal fil-komunità. B'hekk inkunu nistgħu tassew intejbu l-ħajja tal-komunitajiet tagħna", temm jgħid il-ministru.

Is-Sur Flores spjega kif minbarra l-infurzar, l-Aġenzija LESA għandha wkoll responsabbiltà lejn il-komunità li sservi. Għalhekk din id-donazzjoni lill-Fondazzjoni RISE qed issir biex l-għaqda tkun tista' tkompli tkun ta' spalla għal dawn il-persuni li jkunu qed ifittxu li jibdew ħajjithom mill-ġdid wara li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom. ​