STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI: Il-flotta tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tkompli tissaħħaħ bl-akkwist ta’ żewġ inġenji ġodda li jintużaw biex jinġarr apparat kbir
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI: Il-flotta tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tkompli tissaħħaħ bl-akkwist ta’ żewġ inġenji ġodda li jintużaw biex jinġarr apparat kbir

Reference Number: PR211465, Press Release Issue Date: Aug 04, 2021
 
L-investiment fis-sigurtà tal-pajjiż qed ikompli għaddej hekk kif ġew inawgurati żewġ high-ups ġodda tal-Protezzjoni Ċivili. Dan l-investiment, ta’ aktar minn nofs miljun ewro, se jwassal biex id-dipartiment ikun imħejji aħjar għal dak li jista’ jinqala. 

Dawn iż-żewġ vetturi jingħaqdu ma’ 15-il vettura ġdida li ngħaqdet mal-flotta din is-sena biex illum id-dipartiment qed igawdi minn sensiela ta’ inġenji moderni. Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li dan l-apparat se jkun qed jgħin lill-Protezzjoni Ċivili tkun iktar ippreparata biex taffaċċja r-realtajiet ta’ kuljum. Il-Ministru Camilleri qal kif il-Protezzjoni Ċivili hi parti essenzjali mis-sigurtà li rridu noffru lil p​ajjiżna għalhekk jeħtieġ li n-nies ta’ dan id-dipartiment jaħdmu bl-aqwa għodda.

“Din hija l-qabża ta’ kwalità li qed nagħmlu fis-settur tas-sigurtà. Fejn qabel id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien nieqes mir-riżors uman u kien jinxtara kollox second-hand illum qed naraw li ninvestu fl-aqwa teknoloġija  u fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema permezz tal-ewwel ftehim kollettiv wara 22 sena”, sostna l-Ministru Camilleri. 

Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Emanuel Psaila, sostna li llum id-dipartiment jinsab fl-aqwa tiegħu permezz ta’ sensiela ta’ proġetti li saru fl-aħħar snin. Huwa spjega kif dan l-apparat se jgħin biex jinġarru oġġetti ta’ piż sostanzjali li ma jinġarrx f’vetturi oħra. Għaldaqstant, il-ħaddiema se jingħataw ukoll taħriġ speċjalizzat.