STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: Għalqa abbandunata se ssir spazju aħdar miftuħ bħala parti minn proġett nazzjonali ta’ urban greening
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: Għalqa abbandunata se ssir spazju aħdar miftuħ bħala parti minn proġett nazzjonali ta’ urban greening

Reference Number: PR211508, Press Release Issue Date: Aug 11, 2021
 
​Għalqa abbandunata fil-Mosta, li tkopri ’l fuq minn 4,000 metru kwadru u li tinsab fl-iskema tal-iżvilupp, se tingħata ħajja ġdida biex tibda titgawda mill-komunità, dan bħala parti minn investiment ta’ €4.5 miljun fi proġetti ta’ tħaddir madwar il-pajjiż, inkluż fil-Ħamrun, Ħal Qormi u f’Ħaż-Żabbar.

L-għalqa, magħrufa bħala ta’ ‘Ċikku Fenech’, hija kbira daqs grawnd tal-futbol u sservi ta’ pulmun aħdar fil-komunità. Attwalment, fiha wħud mill-ispeċi ta’ siġar tipiċi Maltin, bħal żebbuġ u ċipress, iżda tinsab abbandunata u mhux ikkultivata.

Il-proġett ta’ riġenerazzjoni u ta’ konservazzjoni tal-ġnien tħabbar mis-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Malta s-sur Richard Bilocca, b’kollaborazzjoni mal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia. Il-proġett se jkun iffinanzjat mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, u implimentat u amministrat minn GreenServ. 

Il-proġett iħares l-ekosistemi fraġli li hemm fl-għalqa abbandunata, filwaqt li jagħmilha aċċessibbli b’mod li tista’ titgawda mill-komunità. Permezz ta’ dan l-investiment, se jkun żgurat li spazju aħdar miftuħ jiġi imħares f’nofs żona urbana. Id-disinn huwa diskret u mmirat biex jikkumplimenta dak li diġà huwa preżenti, fosthom is-siġar, l-ekosistemi, il-pajsaġġ  naturali u l-ġebla tipika Maltija. L-ispazju se jkun aċċessibbli u komdu biex jitgawda minn nies ta’ kull età u ta’ kull ħtieġa. 

F’kummenti wara t-tħabbira, il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan hu progett ieħor minn sensiela ta’ proġetti madwar il-pajjjż li bihom qed inħaddru ż-żoni ta’ fejn eluf ta’ familji jgħixu u jaħdmu. “Qed indawwru żoni li qabel ma kinux aċċessibbli jew kienu dilapidati u mitluqin għal spazji ħodor bħala postijiet ta’ rikrejazzjoni. Il-proġetti bbażati fuq il-kunċett grey-to-green f’diversi żoni urbani qed ikomplu jtejbu l-kwalità ta’ ħajja tal-familji filwaqt li jindirizzaw l-isfida tat-tibdil fil-klima. Qed nieħdu t-tranżizzjoni ħadra u ekoloġika ta' pajjiżna għal-livell li jmiss. L-ambizzjoni tal-Gvern favur aktar tħaddir fl-urban qed tieħu mbuttatura ’l quddiem biex noffru kunċetti ġodda ta’ għajxien fl-urban ibbażati fuq prinċipji ekoloġiċi bi proġetti infrastrutturali ħodor għall-familji Maltin u Għawdxin,” tenna l-Ministru Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dan il-proġett iwieġeb għall-għajta ta’ ħafna ċittadini: il-bżonn ta’ spazji sbieħ, ħodor u miftuħa għal kulħadd. Fakkar li bejn Komunità Malta, Residenza Malta u l-NDSF, twettqu proġetti kbar ta’ ġid nazzjonali, fosthom l-investiment fiċ-ċentru paljattiv ta’ Hospice Malta f’Santa Venera, ir-restawr ta’ niċċa storika fir-Rabat, investiment fil-Caritas, fil-community policing, fil-faċilitajiet edukattivi madwar il-pajjiż u fl-għoti ta’ tagħmir edukattiv lill-Aġenzija Support, fost oħrajn. “L-impenn tagħna hu li nibqgħu nġibu l-investiment lejn pajjiżna b’mod għaqli, biex nibqgħu inkunu f’pożizzjoni li ninvestu fil-komunità”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.