STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: Inawgurata klinika ġdida fil-komunità tal-Kalkara
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: Inawgurata klinika ġdida fil-komunità tal-Kalkara

Reference Number: PR211552, Press Release Issue Date: Aug 24, 2021
 
Mil-lum, ir-residenti tal-Kalkara u l-komunitajiet tal-madwar se jkunu jistgħu jirċievu sitt servizzi tas-saħħa fil-lokalità tagħhom stess,  permezz tal-klinika l-ġdida li ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u Komunitajiet Alex Muscat. 

Id-Deputat Prim Ministru sostna li fl-aħħar tliet snin, permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-Kura tas-Saħħa Primarja u l-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, l-NDSF, infetħu 14-il ċentru komunitarju tas-saħħa madwar Malta u Għawdex. “L-għan aħħari tagħna hu li niftħu kliniċi fil-komunità li joffru servizzi speċjalizzati f’kull belt u raħal, sabiex iċ-ċittadini ma jkollhomx għalfejn jirrikorru fl-Isptar Mater Dei għal servizzi tas-saħħa li jistgħu jingħataw fil-komunità.”

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega kif il-klinika l-ġdida, fil-qalba tal-Kalkara, se toffri s-servizz tat-tabib tal-familja u tal-infermier,  flimkien mas-servizzi speċjalizzati tal-patoloġija, tal-lingwa mitkellma, tal-fiżjoterapija, tal-podjatrija, u tas-saħħa mentali. 

Huwa rringrazzja lis-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina li kien preżenti għall-inawgurazzjoni, lill-kunsill preżenti, u dak preċedenti, tal-għajnuna li ngħatat f’ dan il-proġett. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaċ-ċittadinanza u l-komunitajiet Alex Muscat, qal li, “Dan hu parti minn kullana ta’ investimenti biex inwasslu servizz ta’ saħħa aktar ċentralizzat fil-qalba tal-bliet u rħula tagħna. Dawn huma l-postijiet kollha fejn sa issa, b’investiment totali ta’ 10 miljun ewro mill-NDSF, saret ħidma sabiex illum għandna bereġ state-of-the-art li qed jaqdu lin-nies fil-lokalità tagħhom stess, u se jkunu qed jinfetħu aktar ċentri fil-ġimgħat li ġejjin”. Is-Segretarju Parlamentari Muscat qal ukoll li s-saħħa tan-nies hija prijorità u huwa għalhekk li qed jiġi aċċertat li l-attenzjoni xierqa tingħata b’mod mill-aktar aċċessibbli, komdu, u qrib il-komunità.

Booster doses se jibdew jingħataw mit-13 ta’ Settembru 2021 

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru stqarr li mit-13 ta’ Settembru se tibda tingħata booster dose tal-vaċċin tal-COVID-19 lill-anzjani li huma residenti fid-djar tal-anzjani kif ukoll lill-persuni li minħabba l-kundizzjoni medika tagħhom huma immunosopressi. Spjega wkoll li dawn tal-aħħar se jirċievu ittra d-dar bid-dettalji tal-appuntament tal-vaċċin. 

Id-deputat prim ministru tkellem ukoll dwar eżerċizzju intern li qed isir mill-esperti tas-saħħa sabiex ikun deċiz jekk il-booster dose għandhiex tingħata lil sezzjonijiet oħra tal-popolazzjoni. 

Jitneħħew iżjed miżuri restrittivi fil-ġimgħat li ġejjin

Id-deputat prim ministru ħabbar li fid-dawl li r-rata ta’ tilqim f’Malta qabżet id-90% tal-poplu eliġibbli għall-vaċċin, u li l-każijiet tal-COVID-19 baqgħu stabbli, se jkun possibbli li pajjiżna jirrilaxxa iżjed miżuri. 

Għaldaqstant, mit-30 ta’ Awwissu, l-ammont massimu ta’ persuni vaċċinati li jistgħu jattendu avveniment ikkontrollat bilqiegħda se jiżdied għal 500 persuna. Dan filwaqt li mis-6 ta’ Settembru se jkunu permessi attivitajiet ikkontrollati bilwieqfa għal massimu ta’ 100 persuna vaċċinata. Chris Fearne qal ukoll li l-protokolli tal-avvenimenti bilwieqfa kif ukoll il-pjan iżjed fit-tul tar-rilaxx ta’ iżjed miżuri se jkunu mħabbra fil-jiem li ġejjin.