Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI: Messaġġ ta’ responsabbiltà f’Jum il-112

Reference Number: PR210302, Press Release Issue Date: Feb 11, 2021
 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li tfakkar il-ġurnata tan-numru tal-emerġenza 112, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri tkellem dwar l-importanza li dan in-numru jintuża b’mod responsabbli għaliex dik it-telefonata taf tfisser ħajja jew mewt. 

Fis-sena 2020, il-kamra tal-kontroll tal-112 irċeviet total ta’ 384,793 telefonata, madankollu kien hemm aktar minn 200,000 telefonata li mhux suppost saru fuq in-numru 112 hekk kif kienu telefonati ta’ abbuż jew inkella każijiet li ma kellhomx relevanza. 

Dan ifisser li fost it-telefonati kollha li saru kienu biss 74,380 minnhom li kienu vera każijiet ta’ emerġenza, b’maġġoranza (74.3%) li ġew mogħdija lis-servizz tal-ambulanza hekk kif l-emerġenza kienet waħda medika, filwaqt li 14.6% marru għand il-pulizija, u ftit inqas minn 11% marru għand il-Protezzjoni Ċivili. Kien hemm ċirkostanzi fejn intalbet ukoll l-għajnuna tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Camilleri spjega kif qed isir investiment kontinwu sabiex il-forzi tal-ordni jwieġbu għas-sejħiet b’mod iktar effettiv. Huwa appella lill-pubbliku biex juża l-112 b’mod responsabbli. “Din kienet sena ta’ pandemija fejn is-servizzi mediċi kif ukoll dawk tal-infurzar kienu taħt pressjoni bla preċedent. Għalhekk ejja niġbdu ħabel wieħed u nkunu responsabbli għaliex hekk biss ċirkostanza ma ssirx emerġenza”, ikkonkluda l-ministru.