Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR210018, Press Release Issue Date: Jan 06, 2021
 
Il-karattru Malti fit-toroq li wieħed isib fil-qalba tar-raħal ta’ Ħal Luqa qed ikun imħares u msebbaħ b’investiment li sar b’appoġġ lill-Kunsill Lokali mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA). 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri żar il-proġett ta’ restawr u tisbiħ li sar fuq tliet niċeċ fil-lokal. Dawn mhux biss kienu rranġati, iżda nżebgħu b’kuluri bbażati fuq l-ilwien antiki li kellhom fl-imgħoddi. 

“Dan il-proġett juri l-għaqal tal-Kunsill ta’ Ħal Luqa u d-dedikazzjoni li għandu lejn il-ħarsien tal-wirt kulturali tal-lokal,” qal il-Ministru, li faħħar lil dawk il-kunsilli lokali li ssieħbu mal-LESA u l-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali biex tejbu l-lokalità tagħhom. 

Il-Ministru spjega kif mijiet ta’ eluf ta’ ewro fis-sena qed imorru għal dan l-għan, filwaqt li fix-xhur li ġejjin dan il-kunċett se jkompli jissaħħaħ. 

“Kulħadd igawdi minn soċjetà iktar organizzata. Meta wieħed jinforza, jkun qed jipproteġi lis-soċjetà u lil min josserva l-liġi. Iċ-ċitazzjonijiet m’għandhomx iservu ta’ qligħ għall-gvern – għalhekk nagħżlu li nagħtu lura lin-nies dawn il-flus,” saħaq il-Ministru.

Fost il-proġetti li qed ikunu appoġġjati, hemm dawk li jinkludu investiment ġo faċilitajiet sportivi, spazji miftuħa u restawr.