Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Inizjattivi ġodda biex jissaħħaħ it-taħriġ tal-pulizija

Reference Number: PR210039, Press Release Issue Date: Jan 09, 2021
 
Xhur ta' tħejjijiet se jwasslu għal inizjattivi biex it-taħriġ li jingħata lill-membri l-ġodda u dawk eżistenti tal-Korp tal-Pulizija jkun iktar speċjalizzat u saħansitra akkreditat, inkluż minn istituzzjonijiet ta' reputazzjoni.

Kien dan il-messaġġ tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri meta żar 65 rekluta li bħalissa għaddejjin bit-taħriġ tagħhom fl-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati. Il-Ministru Camilleri spjega kif l-għan hu li jkomplu jitjiebu l-ħiliet tal-membri tal-Korp tal-Pulizija. “Din is-sena għandha tkun dik li tpoġġi l-bażi biex nibdew nimxu lejn dawn l-għanijiet", qal il-Ministru Camilleri filwaqt li spjega li l-entużjażmu għall-bidla u t-tiġdid fil-Korp tal-Pulizija ma jaqta' xejn u l-istrateġija ta' trasformazzjoni mnedija s-sena li għaddiet kienet biss il-bidu.

Il-ministru appella lir-rekluti l-ġodda biex jidħlu għal dan ix-xogħol b'entużjażmu u b'dedikazzjoni lejn il-komunità li jservu. 

“Dan il-gvern qed jagħmel investiment bla preċedent fil-forzi tal-ordni u dan joħroġ biċ-ċar mhux biss mill-investiment li qed isir f'tagħmir u apparat ġdid iżda anke fit-taħriġ", qal il-Ministru Camilleri. Fisser ukoll kif it-taħriġ tal-uffiċjali huwa parti kruċjali mill-viżjoni tal-gvern biex ikompli jinvesti fis-sigurtà ta' pajjiżna.

It-taħriġ intensiv qed isir fuq medda ta' numru ta' ġimgħat u jinvolvi taħriġ prattiku u dak teoretiku. Dan se jwassal lir-rekluti sabiex ikunu preparati għal kull ma jiltaqgħu miegħu fil-ħidma ta' kuljum.​​