Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR210084, Press Release Issue Date: Jan 15, 2021
 
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri żar ix-xogħlijiet li qed isiru fuq l-għassa ta’ Marsaskala, fejn il-Korp tal-Pulizija qed jinvesti madwar miljun ewro sabiex l-għassa tkun waħda ta’ livell għoli. 

L-għassa se tkun waħda attrezzata bl-aħħar teknoloġija u anke bi spazju maħsub għall-pulizija tal-komunità. Il-ministru spjega li s-sigurtà hija prijorità għal dan il-gvern, għalhekk din is-sena l-investiment kapitali fis-sigurtà tal-pajjiż huwa sitt darbiet iktar minn kemm kien fl-2012. Huwa qal li dan l-investiment huwa opportunità biex l-għassa tinbena skont il-ħtiġijiet tal-Korp.

“Il-politika tagħna dwar il-pulizija hi dik ta’ iktar pulizija fit-triq u nemmen li dan qed jinħass. Però fl-istess ħin irridu li l-għases primarji jkunu attrezzati kif xieraq biex jingħata l-aqwa servizz għaċ-ċittadin”, qal il-Ministru Camilleri. Bħala parti mill-miżuri tal-baġit, din is-sena se jibda xogħol fuq ta’ rinovar fuq l-għases tal-Ħamrun u l-Imsida, filwaqt li s-servizz tal-community policing se jiġi estiż f’numru ta’ lokalitajiet oħra. 

Waqt iż-żjara kien preżenti wkoll il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, li tkellem dwar kif il-Korp tal-Pulizija qed jinvesti biex jassigura li jkun mgħammar bl-aqwa riżorsi possibbli.