Fl-ewwel minn sensiela ta’ inizjattivi bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ fil-Fgura, tħabbar li l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi se jalloka €3 miljuni mill-fondi tal-infurzar fi proġetti għall-komunità.
Dawn il-fondi għal-lokalitajiet se jgħaddu lil kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex u dawn jistgħu jiksbuhom billi jipproponu proġetti li minnhom igawdu r-residenti.
Id-dettalji tal-ftehim tħabbru mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera waqt konferenza tal-aħbarijiet.
“Meta ngħidu li s-sigurtà hija fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna nemmnuha bil-fatti. Biex ikollna sigurtà ta’ veru rridu ngħixu wkoll f’soċjetà iktar organizzata u dixxiplinata. Iżda hemm ukoll diversi inizjattivi li nistgħu nieħdu u għalhekk qed nassiguraw li l-LESA tinvesti lura dak li ddaħħal fin-nies,” spjega l-Ministru Camilleri. Huwa ħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex jippreżentaw proġetti sostenibbli li jtejbu l-ħajja tal-komunitajiet tagħhom.
“Dan huwa ftehim importanti għaliex se jipprovdi aktar fondi għall-gvernijiet lokali. Huwa tajjeb li dawn il-proġetti jkunu kemm jista’ jkun marbuta mal-aspett ambjentali u kulturali tal-lokal. Dan huwa wkoll konformi mal-viżjoni tar-riforma tal-politika tal-gvernijiet lokali,” stqarr il-Ministru Herrera.
Il-ftehim bejn l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA) u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) se jaħseb għal investiment ta’ miljun ewro kull sena. Il-proġetti li qed ikunu mħeġġa huma dawk li permezz tagħhom il-kunsilli lokali jtejbu l-ambjent tal-lokalità, joffru trasport nadif jew alternattiv, infrastruttura moderna, investiment fis-sorveljanza u s-sigurtà u proġetti li jħarsu l-patrimonju.