STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Investiment bla preċedent fit-tisħiħ tas-sigurtà – madwar € 8miljuni għall-Protezzjoni Ċivili matul din is-sena biss
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Investiment bla preċedent fit-tisħiħ tas-sigurtà – madwar € 8miljuni għall-Protezzjoni Ċivili matul din is-sena biss

Reference Number: PR211045, Press Release Issue Date: Jun 02, 2021
 
Il-Ministru Byron Camilleri jinawgura investiment ta' €300,000 f'portable generator u vannijiet

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri inawgura investiment f'makkinarju ġdid fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li jlaħħaq it-€300,000. Dan il-makkinarju huwa truck b'generator mibni fih biex idawwal sit ta' inċident u żewġ vannijiet ta' loġistika li se jkunu mgħammra b'kull tip ta'apparat għal ċirkostanzi varji.

Il-Ministru Camilleri stqarr li dan huwa Gvern li qed iwettaq investimenti bla preċedent sabiex tkun imsaħħa s-sigurtà ta' pajjiżna. “Dan huwa dak li wegħdna, u dan huwa eżattament dak li qed nagħmlu", tenna l-Ministru Camilleri.

Hu elenka l-fatt li matul din is-sena biss, il-baġit għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili laħħaq kważi t-€8miljun. “Dawn huma investimenti bla preċedent u dan huwa possibli għax il-Gvern jemmen tabilħaqq fis-sigurtà ħolistika ta' pajjiżna" saħaq il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru għall-Intern fakkar f'investiment kontinwu li qed isir kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħaddiem fil-protezzjoni Ċivili iżda anke fil-makkinjaru u l-għodda li biha jrid jaħdem l-istess dipartment.

“Illum għandna Dipartment li hu lest biex iwieġeb għas-sejħiet differenti li jsirulu ta' kuljum. Qed naraw fit-toroq tal-villaġġi tagħna makkinarju modern u sofistikat li jitmexxew mill-ħaddiema ta' din il-forza hekk importanti, filwaqt li anke qed jinbnew u jkunu ppjanati iżjed hubs ġodda biex is-soċjetà tkun tista' tintleħaq bl-iktar mod effiċjenti", qal il-Ministru Camilleri.

Illum infatti għandna Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili modern u li qed ikun imħejji sew għall-futur f'soċjetà mill-iżjed moderna u avvanzata.

“B'dan l-investiment, il-poplu jaf li l-Gvern qed jieħu ħsieb is-sigurtà tiegħu f'kull mument tal-ħajja li jistà jkun tant kritiku u delikat, għalhekk, iva, se nibqgħu npoġġu lis-sigurtà ta' pajjiżna bħala prijorità fil-ħidma tagħna ta' kuljum" temm jgħid il-Ministru Byron Camilleri.

Waqt din l-attività tkellem ukoll id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila.​