STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR211072, Press Release Issue Date: Jun 04, 2021
 
Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ppremjat mill-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran għall-ħidma favur il-vittmi, b’mod speċjali fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika

Waqt sessjoni plenarja tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran li ltaqgħet b’mod virtwali, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi rappreżentat mill-Ministru Byron Camilleri, ġie ppremjat mill-istess Assemblea għall-ħidma li wettaq il-Gvern Malti biex jassisti lill-vittmi tal-vjolenza domestika.

L-Assemblea ħadet inkunsiderazzjoni l-miżuri kollha li ttieħdu mill-Gvern Malti, fosthom it-twaqqif ta’ unit speċjalizzat fil-Korp tal-Pulizija u eventwalment anke l-Victim Support Agency bħala mizuri tanġibbli u li jirrispekjaw l-ideali tal-istess Assemblea u għaldaqstant tat lil Malta l-Premju tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran għas-sena 2021.

F’kumment, il-Ministru Byron Camilleri sostna li huwa ta’ sodisfazzjon li l-isforzi tal-pajjiż sabiex jiġġieled pjaga soċjali bħal vjolenza domestika anke fi żmien ta’ pandemija, qed jiġu rikonoxxuti.

Il-Ministru Camilleri rriaferma l-impenn tal-Gvern li jkun ta’ spalla u għajnuna għall-vittmi sabiex dawn jingħataw l-appoġġ kollu neċessarju filwaqt li jagħti l-għodod kollha disponibbli sabiex reati bħal dawn ikunu rraportati bl-aktar faċilità. 

Il-Ministru Byron Camilleri temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ jaħdem f’dan il-qasam u oqsma oħra sabiex itejjeb is-sigurtà u se qed jilqa’ l-oremju b’entużjazmu u motivazzjoni għal aktar kisbiet. 

Il-Ministru rrikonoxxa wkoll il-ħidma tal-Parlament Malti biex iwassal ħidmet l-Istat Malti fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Hu rringrazzja wkoll lill-Membri Parlamentari Maltin kollha fl-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran li apprezzaw l-isforzi li qed jittieħdu sabiex aktar ikunu assisti iżjed vittmi, b’mod speċjali l-vittmi tal-vjolenza domestika.