Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR210535, Press Release Issue Date: Mar 17, 2021
 
Estensjoni tal-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili fix-Xemxija se twassal biex il-ħaddiema jkollhom ambjent aħjar minn fejn joperaw. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, waqt konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mill-inizjattiva ‘Gvern għan-Nies’. 

Dan l-investiment, b’valur ta’ €600,000, huwa parti minn tliet estensjonijiet li se jsiru fl-istazzjonijiet tal-Protezzjoni Ċivili fosthom fix-Xemxija, Ħal Far u Ta’ Kandja. L-għan tal-proġett huwa biex l-istazzjonijiet li minnhom jaħdmu mijiet ta’ pumpiera jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tal-lum. Il-Ministru Camilleri ħabbar kif dan l-investiment isegwi sensiela ta’ proġetti oħra li ġew inawgurati f’dawn l-aħħar xhur. “Matul is-snin l-isfidi nbiddlu, għalhekk kien jeħtieġ li d-Dipartiment jevolvi biex ikun aktar kapaċi jirrispondi għar-realtajiet ġodda tal-pajjiż,” qal il-Ministru. Huwa spjega kif permezz tal-ewwel ftehim kollettiv, dan il-gvern għamel investiment bla preċedent fil-ħaddiema u għalhekk il-pass li jmiss kien investiment akbar fl-infrastruttura. “Il-Protezzjoni Ċivili hija parti essenzjali mis-sigurtà li rridu noffru lil pajjiżna. B’dan il-proġett il-gvern qed juri li lest jinvesti kemm jiflaħ fis-sigurtà ta’ pajjiżna,” sostna l-Ministru Camilleri. 

Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila qal kif id-Dipartiment ħadem qatiegħ biex isaħħaħ ir-riżors uman u għalhekk inħasset il-ħtieġa li ssir din l-estensjoni, biex il-ħaddiema jingħataw ambjent li jixirqilhom u wieħed li jirrifletti Protezzjoni Ċivili li kull ma jmur qed issir aktar moderna. Is-Sur Psaila rringrazzja lill-awtoritajiet għall-koperazzjoni tagħhom biex dan il-proġett seta’ jsir realtà.