Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR210547, Press Release Issue Date: Mar 18, 2021
 
Eżerċizzju ieħor ta' rilokazzjoni sar il-Ħamis filgħodu wara li grupp ta' immigranti ġew rilokati lejn Franza flimkien ma' żewġ proċessi oħra ta' rilokazzjoni aktar kmieni dan ix-xahar lejn il-Lussemburgu u l-Portugall.  L-immigranti rilokati jkollhom it-talba tagħhom għall-ażil determinata fl-istat membru li jkunu ġew rilokati fih. Dan l-eżerċizzju qed isir bħala parti mill-impenn tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jiġu rilokati numru ta' immigranti irregolari minn Malta.

Kemm qabel u kemm waqt it-trasferiment ittieħdu l-miżuri kollha ta' prevenzjoni marbuta mal-COVID-19. Minkejja li kien hemm tnaqqis fin-numru ta' immigranti irregolari li waslu f'pajjiżna fix-xhur li għaddew, il-gvern kompla jaħdem sabiex iżid in-numru ta' immigranti irregolari li jiġu rilokati jew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu minn Malta.

Din ir-rilokazzjoni seħħet permezz ta' koordinazzjoni minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi kif ukoll mal-awtoritajiet relevanti fi Franza. 

Il-preparamenti għar-rilokazzjoni tal-immigranti tinvolvi wkoll l-assistenza tal-Kummissjoni Ewropea, it-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni kif ukoll l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO). Ir-rilokazzjoni hija kofinanzjata mill-assistenza għall-emerġenza fil-Fond għall-Ażil, Immigrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF).