Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: Gvern għan-Nies: Komunità Malta tħabbar investiment ta’ €100,000 mifrux fi tliet skejjel

Reference Number: PR210550, Press Release Issue Date: Mar 19, 2021
 
1,500 student u studenta jgawdu minn fondi li ġew miċ-ċittadinanza b'investiment
 
Investiment ta' aktar minn €100,000 tħabbar mal-iffirmar ta' ftehim bejn Komunità Malta u tliet skejjel differenti. Dan l-investiment se jibbenefikaw minnu mal-1,500 student u studenta, 100 minnhom bi bżonnijiet speċjali.

Komunità Malta hija l-Aġenzija tal-Gvern responsabbli mill-amministrazzjoni u l-ipproċessar tal-materji kollha relatati maċ-ċittadinanza Maltija. Permezz ta' dan il-ftehim, fondi minn dak li kien il-programm ta' ċittadinanza u li llum sar programm ta' residenza li jista' jwassal għal ċittadinanza se jmorru direttament f'investiment fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, l-iskola medja tan-Naxxar u l-Wardija Resource Centre.

L-iffirmar sar fiċ-Ċentru tal-Wardija, li jagħmel parti mill-Kulleġġ Maria Reġina u joffri edukazzjoni speċjali wara l-età obbligatorja. B'investiment ta' madwar €40,000, se jsir xogħol fuq il-multisensory room, fejn jiġu żviluppati ħiliet relatati mas-sensi tal-istudenti. B'kollaborazzjoni mal-Università ta' Malta, se jinħoloq ġnien b'sezzjoni ta' friefet endemiċi sabiex jiġu miżmuma f'ambjent fejn jistgħu jipproduċu aktar u parti oħra fejn se jkun hemm miġbħa tan-naħal, dan fejn studenti jistgħu jitgħallmu u jqattgħu l-ħin liberu tagħhom. Se ssir ukoll struttura b'tinda sabiex tipproteġi lill-istudenti mill-elementi huma u deħlin l-iskola.  

B'investiment ta' €35,000, se ssir l-ewwel kamra ddedikata għall-kreattività u l-innovazzjoni fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar. F'din il-kamra, it-tagħlim se jsir b'metodi interdixxiplinari, fejn jitħalltu x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-arti, u dan sabiex jiżdied il-litteriżmu xjentifiku u l-ħsieb kritiku tal-istudenti.

Fl-iskola medja tan-Naxxar, investiment ta' madwar €30,000 se jissarraf f'purtieri ġodda u projector mekkanizzat għall-palk tal-iskola. Dan biex studenti jkomplu jitħajru jipparteċipaw f'attivitajiet viżwali u artistiċi, għax b'hekk jitgħallmu jaħsbu b'mod kreattiv u jiżviluppaw ħsieb kritiku li jista' jiġi applikat fl-oqsma kollha tat-tagħlim.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana faħħret ix-xogħol kbir u b'mod dedikat li jsir mill-edukaturi f'dawn l-iskejjel. Hija qalet li l-proġetti kollha li se jsiru permezz ta' dan il-ftehim juru l-mod kif għandha ssir l-edukazzjoni ta' uliedna, b'approċċ frisk, innovattiv kif ukoll li jkopri firxa wiesgħa ta' suġġetti 'l hinn minn dawk tradizzjonali, biex l-edukazzjoni tkun mhux biss inklussiva u ekwa, imma waħda ħolistika wkoll.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li programmi ta' ċittadinanza u residenza qed isarrfu f'ġid li jasal għand kulħadd. Osserva li fi żmien ta' pandemija globali, pajjiżna xorta waħda jinsab f'pożizzjoni li jinvesti fl-edukazzjoni ta' uliedna. Dan mhux b'kumbinazzjoni, sostna s-Segretarju Parlamentari Muscat, iżda frott il-ħidma kontinwa biex jinġieb lejn Malta l-investiment dirett barrani.

Il-Kap Eżekuttiv ta' Komunità Malta Jonathan Cardona qal li proġetti bħal dawn huma sommarju  perfett tal-iskop tal-aġenzija – li permezz tal-fondi miksuba miċ-ċittadinanza b'investiment, isir investiment dirett fil-komunitajiet li minnu jgawdi kulħadd. ​