Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI

Reference Number: PR210576, Press Release Issue Date: Mar 24, 2021
​​
 
Suldati jibdew jirċievu l-arretrati dovuti lilhom wara li ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta 

Il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta komplew igawdu l-frott tal-ftehim kollettiv ffirmat is-sena li għaddiet. Dan hekk kif din il-ġimgħa s-suldati bdew jirċievu wkoll l-arretrati dovuti lilhom riżultat tal-fatt li partijiet mill-ftehim settorjali kienu jmorru lura numru fis-snin. Madwar 1,750 suldat minn grad ta’ gunner sa maġġur se jirċievu eluf t’ewro f’arretrati. 

Il-ftehim, li ġie ffirmat ftit tax-xhur ilu, huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fl-istorja tal-Forzi Armati ta’ Malta. Permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern qed jinvesti €8.2 miljun aktar fis-sena fis-salarji tas-suldati. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri nnota kif dan il-ftehim kien ilu mistenni mis-suldati u wiegħed li dan il-Gvern ser jibqa’ ta’ spalla għall-Forzi Armati ta’ Malta hekk kif kien fil-passat. “Filwaqt li fl-aħħar snin saru investimenti kbar fl-armata, dan il-ftehim se jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-suldati Maltin u jinċentivahom biex ikomplu jagħmlu s-servizz tagħhom bil-qalb” qal il-Ministru Camilleri.

Fi żmien li ġej il-Forzi Armati ta’ Malta se toħroġ sejħa għal suldati ġodda u l-Ministru Camilleri ħajjar lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jkunu ta’ servizz għal pajjiżhom biex jikkunsidraw karriera f’din il-forza. “Din id-darba wieħed mhux biss jista’ jingħaqad biex ikollu karriera ta’ dixxiplina u sabiħa, iżda wkoll għax jaf li se jgawdi minn kundizzjonijiet xierqa,” temm il-Ministru.