Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI Ikomplu r-rilokazzjonijiet ta’ immigranti minn Malta

Reference Number: PR210592, Press Release Issue Date: Mar 25, 2021
 
Il-Ħamis filgħodu sar eżerċizzju ieħor ta' rilokazzjoni ta' immigranti minn Malta lejn l-Irlanda, ir-raba' wieħed lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea għal dan ix-xahar.

Fl-istess perjodu kompla wkoll ir-ritorn ta' immigranti lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom.

Ir-rilokazzjoni qed issir bħala parti mill-impenn ta' pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea li jassistu lil Malta fejn tidħol l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari. Ir-rilokazzjoni tgħin sabiex jonqos il-piż minn fuq il-pajjiżi tal-fruntiera u l-immigranti jkunu jistgħu jkollhom it-talba tagħhom għall-ażil proċessata fl-istat membru l-ieħor. Dawn il-pajjiżi jkunu f'pożizzjoni li jirritornaw lill-immigranti lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom jekk kemm-il darba jsibu li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni.

Dan l-eżerċizzju ta' rilokazzjoni seħħ permezz ta' kordinazzjoni mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet Irlandiżi. Kemm qabel u kemm waqt it-trasferiment ittieħdu l-miżuri kollha ta' prevenzjoni marbuta mal-COVID-19.

Il-preparamenti għar-rilokazzjoni tal-immigranti tinvolvi wkoll l-assistenza tal-Kummissjoni Ewropea, it-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni, kif ukoll l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO). Ir-rilokazzjoni hija kofinanzjata mill-assistenza għall-emerġenza fil-Fond għall-Ażil, Immigrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF) tal-Unjoni Ewropea.​