STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET

Reference Number: PR211003, Press Release Issue Date: May 27, 2021
 
Jitnieda il-Fond għall-Iżvilupp tal-Akkomodazzjoni fi ħdan l-Awtorità tad-Djar bl-ewwel kontribuzzjonijiet ta’ €1.5 miljun minn Komunità Malta u Residenza Malta

Il-Fond għall-Iżvilupp tal-Akkomodazzjoni fi ħdan l-Awtorità tad-Djar huwa intenzjonat li flimkien mat-tisħiħ tas-soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni, jiżdiedu s-servizzi u l-faċilitajiet li jtejbu l-livell tal-għajxien fl-irħula.

Permezz tal-fond, l-Awtorità tad-Djar se tamministra fondi minn entitajiet, kemm pubbliċi u privati, li se jiġu investiti mill-ġdid biex titjieb il-qagħda ta’ eluf ta’ persuni li jgħixu f’oqsma ta’ akkomodazzjoni soċjali u l-inħawi tal-madwar. 

L-ewwel żewġ kontributuri tal-Fond, Komunità Malta u Residenza Malta, ikkommettew kontribuzzjoni totali ta €1,500,000. Dawn se jkunu qed jiġu trasferiti fuq medda ta’ tliet snin, b’pagament ta’ €250,000 kull wieħed fis-sena sas-sena 2023 permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat bejn iż-żewġ entitajiet pubbliċi u l-Awtorità tad-Djar. 

Il-Ħamis filgħodu sar l-iffirmar tal-ftehim bejn il-Kap Eżekuttiv ta’ Komunità Malta Jonathan Cardona, il-Kap Eżekuttiv ta’ Residenza Malta Charles Mizzi u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, fil-preżenza tal-Ministru responsabbli mill-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, u s-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat. 

Permezz tal-Fond għall-Iżvilupp tal-Akkomodazzjoni, l-Awtorità tad-Djar tamministra fondi minn entitajiet pubbliċi u privati biex titjieb il-qagħda ta’ eluf ta’ persuni li jgħixu f’oqsma ta’ akkomodazzjoni soċjali u l-inħawi tal-madwar. Bord maħtur apposta fl-Awtorità tad-Djar se jkun qed jamministra dan il-Fond. 

Il-Ministru Roderick Galdes qal li l-kunċett ta’ akkomodazzjoni soċjali ma jieqafx biss mad-dar imma huwa wkoll l-ambjent u l-komunità fejn jgħixu n-nies. “Dan il-fond se jwassal għat-twaqqif ta’ ċentri għall-komunità u f’għajnuna lill-għaqdiet soċjali, kulturali u sportivi fejn hemm l-akkomodazzjoni soċjali”, tenna l-Ministru. Kompla jgħid li l-Gvern irid joħloq ekosistema ta’ servizzi u faċilitajiet li jsaħħu l-mobbiltà soċjali tar-residenti, u jinvolvu lill-komunità kollha kemm hi.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat spjega li l-fondi ta’ Komunità Malta u Residenza Malta ġejjin minn inizjattivi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment. “Ħafna huma dawk li qed jgħidulna li bis-saħħa ta’ fondi minn dawn l-inizjattivi, ħajjithom inbidlet għall-aħjar. Ħafna qed jifhmu li l-inizjattivi rigorużi immens tagħna qed isarfu f’ġid li qed jasal fil-komunità”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari. 

Il-Housing Development Fund huwa mmexxi minn Bord ta’ 7 membri. Iċ-Chairperson tal-bord, Charmaine Mangion, qalet li l-bord se jara li jiġu żviluppati proġetti soċjali ta’ kwalità li jsaħħu l-benesseri tal-komunità. “B’kollaborazzjoni ma’ entitajiet kemm tal-istat u anke privati fost oħrajn, irridu noffru opportunitajiet ġodda filwaqt li nassiguraw li nilħqu għanijiet li jkunu ta’ benefiċċju f’dawn il-komunitajiet f’aspetti edukattivi, ambjentali, sportivi, aċċessibilità, spazji rikreattivi u aktar.”

Il-kapijiet eżekuttivi taż-żewġ entitajiet kontributorji, Jonathan Cardona u Charles Mizzi, osservaw b’sodisfazzjon li din hija l-ewwel darba li ż-żewġ aġenziji ikkontribwixxew flimkien lejn l-istess għan. Is-Sur Cardona qal li investiment fil-qalba tal-komunità huwa l-ogħla investiment li l-Aġenzija tista’ tagħmel, għax isarraf f’ġid il jitgawda għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Is-sur Charles Mizzi, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Residenza Malta qal: “L-Aġenzija għandha l-impenn li talloka fondi għal proġetti ta’ natura soċjali li għandhom impatt sinifikattiv fuq il-ħajja taċ-ċittadini u s-soċjetà tagħna. L-investiment li qed iħalli l-programm ta’ residenza b’investiment qiegħed għalhekk jiġġenera benefiċċji konkreti f’diversi setturi tal-komunità tagħna, apparti l-kontribuzzjoni ġenerali lill-ekonomija ta’ Malta.”