STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inawgurati border control gates fl-Ajruport b’investiment ta’ aktar minn €900,000
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Inawgurati border control gates fl-Ajruport b’investiment ta’ aktar minn €900,000

Reference Number: PR211007, Press Release Issue Date: May 27, 2021
 
Il-Korp tal-Pulizija qed jinvesti f'aktar sistemi ta' sigurtà fl-ajruport permezz ta' investiment ta' aktar minn €900,000 ko-finanzjati b' fondi Ewropej li ser iwassal għal immaniġġjar aktar strett tal-fruntieri tal-pajjiż. 

Waqt żjara fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi inawguraw automated border control gates. Waqt din iż-żjara huma setgħu jsegwu l-operat tas-sistema ta' kontroll ġdida li se tfisser anqas dewmien għall-passiġieri waqt l-ivvjaġġar.

Il-Ministru Camilleri spjega kif dan l-investiment huwa xhieda oħra ta' kif minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija r-ritmu tax-xogħol ma waqafx, fost oħrajn b'rabta mas-sigurtà tal-pajjiż. “Qed naraw li nippreservaw bilanċ tajjeb lejn ir-rispons meħtieġ għall-isfidi li għandna quddiemna fil-qasam tas-sigurtà filwaqt li nipproteġu l-libertà li wieħed jivvjaġġa fejn jixtieq fiż-Żona Schengen," sostna l-Ministru.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li “B'investiment ta' madwar €700,000 b'fondi Ewropej ġew istallati dawn il-gradi li permezz tagħhom pajjiżna se jkun qed isaħħaħ aktar is-sigurtà hekk kif din it-teknoloġija se tassisti lill-pulizija u ufficcjali tal-immigrazzjoni fix-xogħol tagħhom filwaqt li se tnaqqas il-ħin tal-ipproċessar." Hu saħaq li permezz tal-programm il-ġdid 2021-2027, l-Unjoni Ewropea mistennija li żżid l-investiment fis-settur tas-sigurtà meta mqabbel mal-programm 2014-2020.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, qal kif il-benefiċċji ta' dan il-proġett se jkunu qed jgħinu lill-uffiċjali tal-Korp biex jipprovdu servizz ta' kwalità iżjed effiċjenti, effettiv u, fuq kollox, sigur.  

Il-fondi li huma parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea intużaw biex jingħata taħriġ lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija biex jitħarrġu aktar fis-sistemi ta' kontroll tal-fruntieri flimkien ma' xiri ta' apparat teknoloġiku.