STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI: Tissaħħaħ is-sezzjoni marittima tal-Protezzjoni Ċivili
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI: Tissaħħaħ is-sezzjoni marittima tal-Protezzjoni Ċivili

Reference Number: PR211617, Press Release Issue Date: Sep 04, 2021
 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċirkewwa, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ħabbar investiment ġdid li se jwassal biex tissaħħaħ is-sezzjoni marittima fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili. L-investiment jinkludi tagħmir ġdid, fosthom drone van u drone li jiswew €105,000. Id-drone, magħruf bħala remote operating vehicle, jista' jintuża taħt il-baħar għat-tiftix f'każ ta' emerġenza kif ukoll għal aktar taħriġ għall-uffiċjali. Fil-fatt, in-numru ta' bugħaddasa li jaħdmu f'din it-taqsima rduppjaw fl-aħħar sena, hekk kif żdiedu minn 14 għal 30. Dan sar sabiex il-Protezzjoni Ċivili tkun tista' tirrispondi għas-sejħiet li jsirulha b'mod iktar effiċjenti. 

Il-Ministru Camilleri spjega kif fis-settur tas-sigurtà l-iktar fattur kruċjali huwa li tkun ippreparat għal dak kollu li jista' jiġri. Għaldaqstant, bħalissa għaddej process fi ħdan il-Ministeru għall-Intern sabiex l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru jaġġornaw l-istrateġija tagħhom u jadattaw mar-realtajiet tal-lum il-ġurnata. “Nemmen li biex intejbu l-effettività tas-servizzi tas-sigurtà f'pajjiżna rridu nagħrfu ż-żminijiet li ngħixu fihom u ninvestu b'konformità. Hekk biss nistgħu naslu biex noffru soċjetà aktar sigura," qal il-Ministru.

Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili s-Sur Emanuel Psaila tkellem dwar l-investiment sostanzjali li sar fil-Protezzjoni Ċivili tul dawn l-aħħar snin biex illum id-Dipartiment jinsab fuq quddiem nett.

Ġewwa ċ-Ċirkewwa saret simulazzjoni ta' każ ta' emerġenza fejn tim ta' bugħaddasa rnexxielu jtella' karozza mill-baħar f'inqas minn kwarta. Dan seta' jseħħ permezz ta' taħriġ speċjalizzat li ngħataw l-uffiċjali, kif ukoll għat-teknoloġija moderna li llum hija mgħammra biha l-Protezzjoni Ċivili.​