STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: Iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-LESA
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: Iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-LESA

Reference Number: PR220979, Press Release Issue Date: Jul 21, 2022
 
​“Permezz tal-ftehim kollettiv li qed niffirmaw illum, se nkunu qegħdin noffru għal darba oħra kundizzjonijiet xierqa għall-ħaddiema kollha li jaqdu dan l-irwol”, qal il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri waqt li kien preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-aġenzija LESA.
 
“Iva, dan huwa gvern li qed jaħdem tabilħaqq sabiex dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’aġenziji li qegħdin hemm għall-infurzar u għaż-żamma tal-ordni, flimkien mal-korpi dixxiplinati l-oħra, jingħataw pagi li jirriflettu x-xogħol u l-ħafna sagrifiċċji li jkollhom jagħmlu sabiex jissoktaw fil-ħidma tagħhom. Fl-aħħar snin stajna naraw kif impenjajna ruħna li niffirmaw ftehim kollettiv wieħed wara l-ieħor fosthom mal-Pulizija, mal-Forzi Armati, mal-Protezzjoni Ċivili u mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Illum kien imiss ftehim ieħor għall-ħaddiema tal-aġenzija LESA,” tenna l-Ministru Camilleri.
 
Dr Camilleri fakkar li fl-2018,  l-uffiċjali tal-komunità li kienu mal-privat saru uffiċjalment impjegati tal-aġenzija. “L-ewwel ftehim kollettiv għall-impjegati tal-aġenzija sar f’Novembru 2019 u kien ikopri l-2019 u l-2020. Permezz ta’ dan il-ftehim l-impjegati ngħataw pakkett finanzjarju ħafna aħjar milli kellhom”.
 
Il-Ministru Camilleri semma li fl-aħħar snin, l-investiment fil-LESA sar ukoll permezz tal-bdil fl-uniformi, inxtraw vetturi ġodda fosthom 11-il vettura hybrid, inxtara lbies protettiv ġdid, ġew introdotti sistemi ta’ komunikazzjoni bir-radios li qabel ma kinux jeżistu, sar investiment fil-binja tal-LESA u nfetħu uffiċini reġjonali ġodda f’Għawdex, fil-Mosta u fil-Pietà.
 
Il-ministru fakkar li kontinwament din l-aġenzija qed tinvesti fit-taħriġ tal-impjegati, li qed isir taħt il-kappa tal-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, mhux biss għal dawk ġodda iżda anke għal dawk il-ħaddiema li ilhom fl-impjieg tagħhom.
 
Fl-aħħar nett, il-ministru qal li paripassu ma’ dan il-ftehim iffirmat, iġġeddew il-kodiċi ta’ dixxiplina sabiex il-ħaddiema jobbligaw irwieħhom li jżommu l-ogħla standards.
 
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija LESA, Svetlick Flores, qal li dan il-ftehim fih valur lil hinn mill-valur finanzjarju għax permezz tiegħu qed tingħata l-importanza mistħoqqa lill-ħaddiem, u l-aġenzija qed terġa’ tikkommetti ruħha li tkompli tinvesti fl-impjegati tagħha permezz ta’ pagi aħjar, ta’ diversi benefiċċji u ta’ opportunità ta’ karriera, biex fl-aħħar mill-aħħar, toffri kundizzjonijet ta’ xogħol aħjar. Dan il-ftehim se jkopri l-perjodu 2021 sa 2025.
 
Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u s-Segretarju tat-taqsima Theo Vella.