STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Għajnuna umanitarja mill-Gvern Malti lill-poplu tal-Pakistan b’rabta mal-għargħar qawwija li laqtu lil dan il-pajjiż
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Għajnuna umanitarja mill-Gvern Malti lill-poplu tal-Pakistan b’rabta mal-għargħar qawwija li laqtu lil dan il-pajjiż

Reference Number: PR221489, Press Release Issue Date: Nov 02, 2022
 
Fl-aħħar jiem il-Pakistan esperjenza kriżi bl-impatti naturali kbar li qed iħallu l-għargħar qawwija li laqtu lil dan il-pajjiż. B’rabta ma’ dawn l-iżviluppi li qed iseħħu, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza se jkun qed jibgħat għajnuna umanitarja lill-poplu tal-Pakistan permezz tal-Protezzjoni Ċivili.

Inbeda għalhekk il-proċess li jintuża mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bih pajjiżna jassisti pajjiżi barranin li jkollhom bżonn ta’ għajnuna umanitarja urġenti. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri spjega li għal darba oħra, Malta se tkun qed toffri għajnuniet umanitarji urġenti lil popli ta’ pajjiżi oħra li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli. 

“Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jerġa’ jkun fuq quddiem fil-koordinament ta’ din it-tip ta’ għajnuna lil pajjiżi oħra. Bis-saħħa ta’ din il-ħidma, pajjiżna se jingħaqad ma’ ħafna stati membri tal-Unjoni Ewropea oħra li qed jibagħtu l-għajnuniet lill-Pakistan f’dan il-mument diffiċli”, qal il-Ministru Camilleri.