STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Tiġi mnedija l-ewwel Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar il-mainstreaming tal-ġeneru
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Tiġi mnedija l-ewwel Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar il-mainstreaming tal-ġeneru

Reference Number: PR221497, Press Release Issue Date: Nov 03, 2022
 
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg nediet l-ewwel Strateġija u Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar il-mainstreaming tal-ġeneru, bil-għan li tiġi eliminata kull forma ta' diskriminazzjoni strutturali li għadha tiddistingwi bejn is-sessi. 

L-istrateġija hija msejsa fuq 8 għanijiet strateġiċi prinċipali. Dawn jinkludu fost oħrajn l-introduzzjoni ta' mainstreaming tal-ġeneru fid-dinja tax-xogħol, u l-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni. Uħud mill-miżuri ewlenin jinkludu t-tisħiħ ta' riċerka fuq numru ta' binarji kif ukoll teħid aħjar ta' statistika, riformi fil-liġi li jeliminaw differenzi bla bżonn abbażi tal-ġeneru, mentoring programmes u taħriġ sabiex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u kampanji t'għarfien u taħriġ għall-professjonisti biex jiġi assigurat li s-servizzi li qed jingħataw ikunu bbażati fuq prinċipji ta' ugwaljanza u mainstreaming tal-ġeneru. 

Għal dan il-għan, ser jitwaqqaf kumitat interministerjali sabiex issir ħidma konġunta bejn il-ministeri kollha kkonċernati. Il-kumitat ser jitmexxa mill-Gender Mainstreaming Unit fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem li se jkun ukoll responsabbli għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-istrateġija. 

Is-Segretarju Parlamentari spjegat kif din l-istrateġija qed tkompli tibni fuq l-impenn li diġà għamel il-Gvern fir-rigward tal-ugwaljanza matul is-snin kif ukoll fil-manifest elettorali. Hija saħqet dwar il-bżonn ta' impenn kollettiv kemm mill-entitajiet kollha konċernati u anke mis-soċjetà biex jintlaħqu l-miri ta' din il-viżjoni. 

“Bil-Budget 2023 il-Gvern qed jagħti ċertezza u stabbiltà anke fil-qasam tal-ugwaljanza. Ma nkunx qed ngħid xi ħaġa li mhix minnha meta ngħid li hu dan il-Gvern li għandu l-iktar kredenzjali biex jgħin lis-soċjetà Maltija tilħaq din il-mira. Quddiem inġustizzji u realtajiet partikolari, aħna dejjem weġibna bl-azzjoni. Illum hija okkażjoni oħra fejn bħala Gvern qed nuru l-impenn tagħna biex insaħħu l-irwol tal-mara fis-soċjetà Maltija filwaqt li qed nassiguraw li kull mara u tifla jkollha aċċess ugwali għal kull opportunità li jista' joffri pajjiżna," qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

L-istrateġija qed tidħol fis-seħħ wara li saret konsultazzjoni pubblika estensiva mal-istakeholders fis-settur filwaqt li qed tirrikonoxxi wkoll numru ta' impenji internazzjonali fil-qasam tal-ġeneru fosthom l-istrateġija Ewropea għall-Ugwaljanza. ​