STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Is-Servizz tal-Pulizija tal-Komunità estiż fi tmien lokalitajiet ġodda
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA: MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ: Is-Servizz tal-Pulizija tal-Komunità estiż fi tmien lokalitajiet ġodda

Reference Number: PR221548, Press Release Issue Date: Nov 11, 2022
 
Ġie mħabbar li b'effett mill-20 ta' Novembru li ġej se jiġi estiż is-Servizz tal-Pulizija fil-Komunità fi tmien lokalitajiet ġodda, li jinkludu: Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra, Marsaskala, San Ġwann, iż-Żurrieq, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi. B'hekk 75% tal-pajjiż kollu se jkun kopert minn dan is-servizz, sakemm is-sena d-dieħla dan is-servizz ikun ġie estiż madwar il-pajjiż kollu, hekk kif ġie mħabbar fil-Budget 2023.

L-estensjoni ta' dan is-servizz tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Angelo Gafà, ġewwa Ħaż-Żabbar. Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti s-Sindki u r-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali rispettivi flimkien mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, is-Sur Mario Fava.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li bl-introduzzjoni ta' dan il-kunċett qed naraw servizz tal-pulizija aħjar fil-komunitajiet fejn dawn joperaw. Din is-sena pajjiżna esperjenza wkoll tnaqqis ta' 7% fil-kriminalità , filwaqt li kien hemm żieda ta' 15% fil-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija, li hi l-akbar żieda fl-aħħar għaxar snin.

Il-Ministru Camilleri qal li, “Għalhekk se nkomplu nsaħħu dan is-servizz li qed ipoġġi lill-Korp tal-Pulizija aktar viċin il-komunità, servizz li mhux biss qed jgħin lill-pubbliku, iżda wkoll qed jgħin lill-Korp tal-Pulizija sabiex ikollu aktar viżibilità ta' ċertu xejriet ta' kriminalità f'kull lokalità madwar Malta u Għawdex."

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li, “It-tisħiħ u l-estensjoni tal-proġett tal-community policing huwa xiehda ħajja ta' kif il-Korp tal-Pulizija konkretament iwettaq il-missjoni tiegħu, dik li jipprovdi servizz professjonali u fdat għal pajjiż aktar sigur, b'enfasi kbira fuq is-sħubija mal-komunità. Huwa b'dan il-mod li, ġurnata wara l-oħra, il-Korp ikun pass eqreb lejn il-viżjoni tiegħu, dik li l-komunità tafdana sabiex niżguraw pajjiż sigur għal kulħadd."

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava li sostna li l-għan ta' dan is-servizz hu li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-resident. “Xi ħaġa li nnutajt minn ċertu lokalitajiet hi li l-membri tal-community policing infushom qed ikunu huma li jmorru għand in-nies, jintroduċu ruħhom u jagħtu anke n-numri personali tagħhom biex ikun hemm linja ferm aktar diretta ta' komunikazzjoni bejn ir-resident u l-membri tal-Korp. Permezz ta' dan is-servizz, iż-żmien ta' rispons meta jseħħ xi reat qed ikun ħafna iżjed spedit," temm jgħid is-Sur Fava.

Intant, waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Byron Camilleri ta rendikont tal-miżuri fil-Budget 2023 b'rabta mal-qasam tas-sigurtà. Spjega li fost id-diversi miżuri mħabbra fil-baġit, hemm tnejn partikolari li jolqtu direttament lill-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati kollha.

Spjega li miżura minnhom hija żieda fil-pensjoni bi 23% lil dawk il-ħaddiema li jagħmlu erba' snin servizz addizzjonali wara l-25 sena servizz. Permezz ta' din il-miżura, se jkunu qed jinċentivaw lil dawk li jkunu jixtiequ jkomplu b'karriera fil-Korp tal-Pulizija, iżda wkoll ikun hemm transizzjoni aħjar tat-talenti u l-esperjenza ta' dawk li se jkunu qed itemmu l-karriera tagħhom fil-Korp tal-Pulizija.

Huwa kompla li l-miżura l-oħra hija dik li l-familji tal-uffiċjali tal-Korpi Dixxiplinati jkollhom ukoll il-protezzjoni meħtieġa, fejn fl-2023 se jiġi introdott il-kunċett ta' pensjoni tas-servizz għal ħames snin lir-romol ta' uffiċjali li jkunu ġew nieqsa jew qabel jagħlqu l-25 sena ta' servizz, jew fil-perjodu bejn l-għeluq tas-servizz u l-età tal-irtirar.

“Din hi rieda ċara ta' Gvern li għandu f'qalbu lill-ħaddiem u l-kumpens adegwat għall-irwoli kruċjali li dan iwettaq. Iżda l-investiment fir-riżors uman se nkomplu nikkumplimentawh ukoll b'investiment fl-apparat li jużaw il-Korpi Dixxiplinati," temm jgħid il-Ministru Byron Camilleri. ​​