STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA
Navigate Up
Sign In

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA

Reference Number: PR221571, Press Release Issue Date: Nov 15, 2022
 
F'isem il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ipparteċipat fil-laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tal-Unjoni Ewropea li saret fi Brussell fil-15 ta’ Novembru 2022.

Matul il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari flimkien mal-Ministri tad-Difiża l-oħra tal-UE ġew infurmati mir-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Josep Borrell Fontelles, dwar l-aħħar aġġornamenti dwar il-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE b’appoġġ għall-Ukrajna, dwar l-impenn tal-UE fin-Niġer, l-Operazzjoni Atalanta, il-kapaċità ta' skjerament rapidu tal-UE u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi. Il-ministri ġew ippreżentati wkoll bil-ħidma li għaddejja dwar il-pakkett tas-sigurtà u d-difiża.

Il-laqgħa tal-ministri kompliet b’diskussjoni dwar il-ħidma li għaddejja fuq il-kapaċitajiet tad-difiża u r-realtajiet operazzjonali li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha. Is-Segretarju Parlamentari laqgħet din il-ħidma u rrimarkat li Malta hija interessata li tipparteċipa fl-akkwist konġunt ta’ tagħmir militari biex tiżgura li jkun hemm provvista mtejba b’bażi ta’ spiża aktar baxxa. Apparti dan, irrimarkat li s-suċċess f’dan il-qasam jiddependi fuq il-kisba ta’ proċess effiċjenti, abbażi ta’ spejjeż aktar baxxi u piżijiet burokratiċi mnaqqsa fuq il-Ministeri tad-Difiża.

Il-ministri kellhom ukoll l-opportunità ta’ skambju informali ta' fehmiet dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-implikazzjonijiet globali tagħha. Matul l-aħħar sessjoni, il-Ministru tad-Difiża tal-Ukrajna attenda għal-laqgħa b’mod virtwali u informa lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi kif ukoll dwar il-ħtiġijiet kontinwi tal-Forzi Armati Ukreni. Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg attenda wkoll għal din il-parti tal-laqgħa. Is-Segretarju Parlamentari tenniet l-appoġġ ta’ Malta lill-Ukrajna u li l-azzjonijiet tar-Russja jmorru kontra l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, liema prinċipji għandhom jibqgħu l-gwida li l-pajjiżi kollha għandhom jaġixxu għaliha.

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg saħqet li r-rispett għall-fruntieri stabbiliti jibqa’ bażi fundamentali tal-liġi internazzjonali u kull tentattivi unilaterali biex dan jinbidel, permezz ta’ theddid u vjolenza, huwa u dejjem se jkunu inaċċettabbli. Irrimarkat li minkejja n-newtralità tagħna li hija minquxa fil-kostituzzjoni, Malta setgħet tappoġġja u tikkontribwixxi għall-miżuri ta’ għajnuna tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, permezz ta’ appoġġ mhux letali.​